Issa għaddew ġimgħat minn meta Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru joseph Muscat, inkixef li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama.
Għaddiet ukoll aktar minn ġimgħa minn meta ġie żvelat li Keith Schembri allegatament xaħħam uffiċjal għoli fit-Times of Malta. Allegazzjoni li wasslet biex dan l-uffiċjal ġie sospiż u rriżenja, bit-Times tiftaħ investigazzjoni mmexxija mill-Imħallef Giovanni Bonello.
Iżda minkejja dan, Keith Schembri ilu ġimgħat ma jaffaċċja lill-midja biex jirrispondi għall-allegazzjonijiet kontrih.
Fid-dawl ta’ dan staqsejna lill-Ministru Chris Cardona jekk għallinqas hu jafx fejn hu Keith Schembri, imma minflok wieġeb, uża l-iskuża li Schembri mhux politiku.
Iżda minkejja dan Keith Schembri hu wieħed mill-eqreb ta’ Muscat, u d-deċiżjonijiet li jittieħdu jgħaddu wkoll minn taħt idejh.
L-iskandlu tal-Panama jinvolvi wkoll lill-Ministru Kornad Mizzi, id-Deputat mexxej magħul minn Muscat u li minn taħt idejh għaddew fost l-iktar proġetti nazzjonali li nvolvew flus.
Imma biex jaħarbu minn dawn il-mistoqsijiet, għaddew għal mistoqsijiet oħra, fost l-oħrajn dwar il-kwistjoni tad-Deputat Mexxej, li s’issa għadu Toni Abela.
U dan qabel il-konferenza tal-aħbarijiet intemmet ħesrem 11-il minuta biss wara li bdiet, bil-Ministru Chris Cardona jqum minn postu biex ma jkollux iżjed mistoqsijiet.
//= $special ?>

