Lokali

Il-President Marie Louise Coleiro Preca tgħid li l-preġudizzji u t-timbri m’għadhomx lokhom

Minister for Home Affairs and National Security Carmelo Abela attends a Good Friday play at Corradino Correctional Facility

Xhieda huwa dramm mtella’ mir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, miktub fl-isfond tal-ġrajja tal-Passjoni u b’riflessjonijiet fuq sitwazzjonijiet kurrenti.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mas-Sur Edgar Preca , l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela u x-Shadow Minister u Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami attendew għall-ewwel wirja.

Fl-indirizz tagħha, il-President aċċennat kif il-preġudizzji u t-timbri la qatt kien u żgur m’għadux lokhom.

Waqt ir-rakkont ta’ dan id-dramm, messaġġi li spikkaw kienu dawk li jduru mat-temi tal-għażliet ħżiena, it-tradiment, il-ħtija, l-istigma u l-maħfra.

“L-ispirtu jrid imma l-ġisem dgħajjef” kienet waħda mill-frażijiet li ngħatat aċċenn, b’rakkonti li jissimbolizzaw attentati ta’ disprament waqt il-ġlieda interna għall-bidla fl-attitudni.

Ingħatat ukoll attenzjoni partikolari lit-tbatija li l-ġenituri u l-qraba tar-residenti jgħaddu minnha matul il-proċess.

L-appell mir-residenti kien wieħed biex il-persuni jkunu xhieda tal-imħabba lejn xulxin flok tal-kundanna għall-oħrajn.

F’dan id-dramm qed jieħdu sehem madwar 35 resident; id-dramm kien organizzat mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl taħt it-tmexxija tad-Direttur George Busuttil.

Il-preżentazzjonijiet tiegħu għall-pubbliku ser ikunu bejn id-19 u s-26 ta’ Marzu.