Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista qal li għat-tielet ġurnata konsekuttiva, Joseph Muscat u Keith Schembri – permezz tal-ispokesperson tagħhom Chris Cardona – qed jippersistu bil-gideb tagħhom fuq il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami. Liema gideb diġà ġew miċħuda u dwarhom tressaq libell.
L-istqarrija tispjega kif Beppe Fenech Adami jsostni li l-permess tal-pool tad-dar tal-familja tiegħu ħareġ skont il-policies li kien hemm 18-il sena ilu. Hija gidba li dan il-pool huwa akbar minn 50 metru kwadru u gidba akbar li għandu deck akbar mill-pjazza ta’ quddiem il-Parlament.
Dan il-gideb ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri jingħaqad mal-gideb li ntqal fil-ġranet għaddew, jiġifieri li Beppe Fenech Adami xtara żewġt ikmamar żgħar f’żona barra mill-iżvilupp li hu biddel f’dar deskritta bħala ‘palazz’, meta fil-fatt hu xtara dar lesta mibnija fil-permessi u li fiha kienet tgħix koppja bit-tfal, li Beppe Fenech Adami bena xi sulari aktar milli huwa permess għaż-żona fejn tinsab id-dar tiegħu. Fiż-żona tad-dar ta’ Beppe Fenech Adami hemm tal-anqas 12-il dar oħra fl-istess ammont ta’ sulari li għandu l-post ta’ Beppe Fenech Adami u li kien hemm xi intervent politiku mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi biex inħareġ dan il-permess.
Beppe Fenech Adami fakkar li din il-gidba hija waħda riċiklata ta’ snin ilu, meta l-media Laburista kienet ivvintat gidba li wkoll kienet ġiet miċħuda.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-uniku investigazzjoni li għandha ssir hi dik fuq il-kumpaniji sigrieti fil-Panama u l-allegat tixħim ta’ Keith Schembri. Ebda intimidazzjoni ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri mhi se żżomm lill-Partit Nazzjonalista milli jkompli jikxef il-korruzzjoni ta’ dan l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ Malta.
//= $special ?>

