Disat ijiem qabel il-bidu uffiċjali tal-perjodu tas-sajf għas-settur tal-avjazzjoni, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta diġà qed jesperjenza naqra mill-attività li tikkaratterizza x-xhur tas-sajf. Wara t-tnedija tar-rotta ta’ Poznań ilbieraħ, dalgħodu, l-ewwel titjira tar-Ryanair minn Baden-Baden intlaqgħet fl-ajruport.
Titjiriet lejn din id-destinazzjoni, li jieħdu ftit anqas minn tliet sigħat, ser jibdew jitilqu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kull nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Sibt.
Din ir-rotta ser tkompli tgħaqqad l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mar-reġjun ta’ Baden-Württemberg, li huwa magħruf ħafna għall-Black Forest. Sal-lum, dan ir-reġjun popolari mat-turisti kien aċċessibbli minn Malta permezz ta’ titjiriet fis-sajf lejn il-kapitali tar-reġjun, Stuttgart.
Baden-Baden huwa famuż għall-hot springs terapewtiċi u n-natura u għalhekk huwa destinazzjoni ideali għal min jixtieq jirrilassa. Min-naħa l-oħra, għal min hu aktar avventuruż il-pajsaġġ tal-post joffri ħafna opportunitajiet biex wieħed jixxabbat u jmur trekking.
F’din l-okkażjoni importanti ngħatat merħba speċjali lill-passiġġieri li ġew fuq din it-titjira u ġie ppreparat ukoll kejk apposta.
//= $special ?>

