Lokali Unjoni Ewropea

“Toni Abela imissu jirtira n-nomina tiegħu ghall-Qorti Ewropea tal-Awdituri”

“Toni Abela imissu jirtira n-nomina tiegħu ghall-Qorti Ewropea tal-Awdituri” – kien dan il-kliem iebes tal-MEP Slovakk Igor Soltes, ir-rapporteur li kiteb r-rapport għall-kandidatura tal-eks deputat mexxej Laburista, kif żvelat minn sorsi viċin Times of Malta.

Minkejja l-appoġġ tal-Gvern ta’ Joseph Muscat li ressaq in-nomina, Toni Abela tilef il-vot ta’ fiduċja bi 17-il vot kontrih, sabiex jiġi maħtur membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. L-istess persuna li kiteb ir-rapport tan-nomina ta’ Toni Abela, stqarr li hemm biss triq waħda onorabbli, dik li jirtira n-nomina.

Soltes, li hu l-Viċi President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Budget, li hu l-istess kumitat li vvota kontra, stqarr li jekk Abela għandu rispett lejh innifsu, ċertament li jirrispetta d-deċiżjoni mogħtija kontrih.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Slovakk qal li teknikament Toni Abela jista’ jkompli bin-nomina u jressaq il-vot quddiem il-plenarja, pero l-eks deputat mexxej Laburista diġa bil-kitba wiegħed li se jirrispetta d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew.

Qabel il-grilling li affaċja Toni Abela, meta mistoqsi jekk il-vot ikun fin-negattiv kontrih jirrispettax dik id-deċiżjoni, Abela qal li f’dak l-istadju hu ikun iħossu obbligat li jirtira l-kandidatura tiegħu. Madanakollu, s’issa, Toni Abela u Joseph Muscat għadhom ma ħarġu l-ebda dikjarazzjoni li tindirizza l-vot ta’ sfiduċja kontrih u x’inhi r-rotta li se jieħu l-Gvern Malti issa.

L-istess Viċi President tal-Kumitat, Soltes, qal li jekk Toni Abela jibqa’ ma jirtirax in-nomina, hu se jkollu jirrapporta lill-plenarja u jirrakomanda li Toni Abela għandu jiġi rrifjutat għal darb’oħra. L-Islovakk kompla jgħid, li normalment il-plenarja dejjem timxi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-kumitat.