Lokali

Il-‘kumbinazzjoni’ tal-kumpanija sigrieta fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi tpoġġiet fit-trust fi New Zealand fl-istess jum

Il-kumpanija sigrieta fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi, tpoġġiet fit-trust fi New Zealand fit-22 ta’ Lulju li għadda, li jaħbat l-istess jum li fih Gasol plc – li kien is-sieħeb ewlieni fil-konsorzju Electrogas Malta – biegħ l-ishma tiegħu fil-konsorzju li ntgħażel biex jibni l-Power Station il-ġdida. Fi kliem ieħor, fl-istess jum li fih kien hemm trasferiment ta’ ishma li jiswew miljuni kbar ta’ ewro, il-kumpanija ta’ Konrad Mizzi fil-Panama kienet trasferita fi Trust fi New Zealand. Dan kien ukoll fl-istess ġimgħa li fiha l-Gvern iffinalizza l-garanzija statali ta’ €360 miljun.

Dan kien żvelat fil-gazzetta The Malta Independent on Sunday. Il-ġurnal talab intervista rekordjata mal-Ministru Konrad Mizzi sabiex jagħti l-verżjoni tiegħu dwar dan l-aħħar żvilupp dwar l-iskandlu tal-kumpanija sigrieta tal-Panama.

Iżda l-Ministru Konrad Mizzi għamel numru ta’ kundizzjonijiet qabel ma jaċċetta intervista, fosthom ippretenda li l-ġurnal jgħaddilu immedjatament kwalunkwe informazzjoni ġdida li għandu, kif ukoll il-mistoqsijiet li beħsiebhom jistaqsu.

Iktar tard fl-istess jum, The Malta Independent on Sunday tirċievi ittra mingħand l-Avukat ta’ Konrad Mizzi joġġezzjona għal intervista irrekordjata.

Biex tkompli żżid, il-gazzetta kienet mhedda wkoll b’azzjoni legali mill-istess avukat Aaron Mifsud Bonnici.

Fit-22 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet, Gasol plc, is-sieħeb ewlieni tal-konsorzju Electrogas Malta li kellha bħala sid, kumpanija reġistrata fis-Seychelles, biegħet l-ishma tagħha fil-konsorzju lill-imsieħba l-oħra li huma SOCAR, il-kumpanija statali taż-żejt tal-Ażerbajġan, GEM holdings, li l-azzjonisti ewlenin tagħha huma Gasan Group u Tumas Fenech Group u Siemens.
Fl-editorjal tagħha, The Malta Independent on Sunday qalet li dan hu t-tieni attakk fuq il-ġurnalizmu ħieles minn Konrad Mizzi. Wara li pprova jġiegħel lil Daphne Caruana Galizia tikxef is-sorsi tagħha, il-Ministru Konrad Mizzi niżel f’livelli mill-iktar baxxi ta’ theddid u intimidazzjoni fil-konfront ta’ ġurnalisti li qed jagħmlu xogħolhom.

L-editorjal ikompli li l-avukat ta’ Konrad Mizzi allega li l-intervista mitluba hi tentattiv biex il-ġurnal jaqbad lill-istess Konrad Mizzi f’nassa u fuq sieq waħda. Bl-editur iwieġeb li kieku jridu jaqbuh fuq sieq waħda, ma kienux jitolbu għal intervista iżda kienu jpoġġu ġurnalist quddiem ir-residenza tiegħu, quddiem il-ministeru jew quddiem il-Parlament u jikkonfrontawh għal għarrieda.
L-editorjal itemm li l-liberta’ tal-istampa hi xi ħaġa integrali f’soċjeta ħielsa u demokratika u ebda tentattiv ta’ intimidazzjoni jew theddid m’hu se jwaqqaf lill-gazzetta billi taqdi dmirha lejn il-pubbliku.