Lokali

Il-kumpanija ta’ Konrad Mizzi tista’ tintuża bħala mezz biex jgħaddu kummissjonijiet

Il-gazetta il-mument illum żvelat numru ta’ partijiet mid-dokument tal-kumpanija Hearnville Incorporation – li hi l-entita’ sigrieta tad-Deputat Mexxej u Ministru Konrad Mizzi. Din il-kumpanija, kif hemm stabbilit fid-dokument, bdiet tiffunzjona fir-4 ta’ Lulju tal-2013, iġifieri kważi erba’ xhur wara li Konrad Mizzi ingħata l-ġurament ta’ Ministru.

F’dawn il-partijiet svelati mid-dokument fuq il-mument, hemm numru ta’ klawsoli li jiddefinixxu x’inhuma l-miri prinċipali tal-kumpanija sigrieta. Fosthom insibu li din il-kumpanija tista’ tintunża bħala mezz biex jgħaddu wkoll ħlasijiet minn kummissjonijiet.

Din il-kumpanija hi propjeta’ tal-Ministru Konrad Mizzi u l-mara tiegħu Sai Mizzi, fejn huma propjetari wkoll ta’ fond sigriet fi New Zealand, f’forma ta’ trust. Skont il-Ministru Mizzi, dan it-trust se jintuża biss biex jintefgħu l-flus u l-propjeta’ tagħhom, u jitmexxew minn terzi. Iżda dawn it-tip ta’ kontijiet jinfetħu biss jekk id-depositarju jkollu ammonti sostanzjali ta’ flus u assi.

L-allegazzjonijiet li s’issa ma ġewx miċhuda huma li Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu l-kumpanija sigrieta fil-Panama fl-istess żmien li marru ma’ Joseph Muscat fl-Ażerbajġan jinnegozzjaw ix-xiri taż-żejt mal-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev.

Il-Prim Ministru għalissa, għazel li jiddefendi b’mod assolut lil Konrad Mizzi u qal li ma fiha xejn ħażin li l-Ministru li mexxa l-iktar deals f’din il-legislatura fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama waqt li hu Ministru.