Lokali

Il-Partit Nazzjonalista qed joffri l-uniku tama għall-poplu Malti u Għawdxi

Il-Partit Nazzjonalista hu l-uniku partit li qed joffri tama ġdida għall-poplu Malti u Għawdxi. Quddiem il-kriżi tal-korruzzjoni li qed jegħreq fiha l-Gvern ta’ Joseph Muscat, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil qed iwiegħed li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jaħdmu kif suppost. Dan filwaqt li, ladarba dan il-Gvern qed jagħżel li ma jagħmel xejn, Gvern Nazzjonalista ġdid jinvestiga l-kuntratti kollha ta’ Konrad Mizzi u li fihom kien involut ukoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

F’diskors fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ Għajnsielem f’Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil irrefera għal dak żvelat minn The Malta Independent, jiġifieri li kumbinazzjoni, dakinhar li l-kumpanija Gasol biegħet l-ishma tagħha lill-Electrogas, Konrad Mizzi trasferixxa l-kumpanija tiegħu tal-Panama fi trust fin-New Zealand.

Simon Busuttil qal li ladarba l-Prim Ministru qed jagħżel li jiddefendi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, sinjal li hu kompliċi magħhom. “Jekk se jibqa’ jwebbes rasu u ma jieħux passi kontrihom, sinjal li hu kompliċi magħhom,” qal Simon Busuttil.

Simon Busuttil sostna li ebda intimidazzjoni u gideb mhi se twaqqaf lill-Partit Nazzjonalista milli jkompli jixkef il-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern. Hu rrefera għall-gideb tal-Partit Laburista fuqu, fuq Ann Fenech, fuq Mario de Marco u fuq Beppe Fenech Adami. “Wasal il-mument li nieqfu għall-biża, għall-intimidazzjoni, għall-gideb,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Dwar in-nomina ta’ Toni Abela bħala membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Simon Busuttil spjega għaliex żewġ terzi tal-membri tal-Parlament Ewropew ivvotaw kontra din in-nomina. Hu sostna li jekk il-Gvern irid il-koperazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, għandu l-ewwel jikkopera hu u mhux jgħajjar lill-Oppożizzjoni f’kull ħin u f’kull mument.

Fl-aħħarnett, hu sostna li l-Partit Nazzjonalista hu l-uniku partit li jista’ jnaddaf il-pajjiż mill-korruzzjoni li jinsab fiha bil-Gvern ta’ Joseph Muscat. “Irridu ngħixu verament f’pajjiż demokratiku, modern u Ewropew,” temm jgħid Simon Busuttil.