Il-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, qed thedded li tieħu azzjoni legali kontra senatur li akkużaha b’sehem f’korruzzjoni marbuta mal-kumpannija taż-żejt ta-Istat, Petrobras.
Is-Senatur Delcidio Amaral qal li l-President Rousseff, li hi membru tal-Partit tal-Ħaddiema, mhux talli kienet taf dwar numru ta’ abbużi iżda anki ppruvat tfixkel l-investigazzjonijiet relatati. Min-naħa tagħha, Rousseff qed tiċħad għal dan waqt li stqarrija mill-Presidenza sostniet li hi għandha tfittex lil Amaral għall-malafama, wara li ġurnal kien ippubblika intervista speċifika mas-Senatur.
Fi żviluppi oħra, il-Ministru tal-Ġustizzja ġdid tal-Brażil, Eugenio Aragao, qed jhedded li jneħħi investigaturi mill-inkjesta dwar il-każ ‘Petrobras’ jekk l-istampa tkompli tingħata informazzjoni.
Amaral, l-eks-Kap tal-Partit tal-Ħaddiema fis-Senat, iddeċieda li jikkoopera mal-prosekuturi wara li spiċċa arrestat b’konnessjoni mal-iskandlu tal-Petrobras. L-investigazzjoni wasslet għall-arrest u l-investigazzjoni ta’ għexieren ta’ eżekuttivi u politiċi tal-Partit tal-Ħaddiema li huma suspettati li talbu ħlas eżaġerat għal kuntratti mal-Petrobras u li, imbagħad, użaw parti mill-flus għal tixħim u l-kampanji elettorali rispettivi.
Jidher li l-poplu Brażiljan qed jappoġġja l-investigazzjoni magħrufa bħala Operation Car Wash, iżda l-President Rousseff u l-alleati tal-Partit tal-Ħaddiema, ikkritikaw lill-Maġistrat ewlieni Sergio Moro li qed imexxi din l-investigazzjoni. Rousseff u l-alleati qalu li l-inkjesta ‘għandha interess politiku’ u li wħud mill-azzjonijiet ta’ Moro kienu illegali.
Proprju l-ġimgħa l-oħra, Moro ħareġ recordings minn fuq it-telefon li jissuġġerixxu li Dilma Rousseff kienet ħatret lill-eks-President Brażiljan Luiz Inacio Lula da Silva (protagonista ewlieni fil-Partit tal-Ħaddiema) bħala kap tal-istaff tagħha, bl-iskop li hu ma jispiċċax arrestat fuq akkużi dwar ħasil ta’ flus.
Minkejja ċ-ċaħdiet ta’ Rousseff, l-Imħallef tal-Qorti Suprema, Gilmar Mendes, issospenda n-nomina ta’ Lula u għad trid titħabbar deċiżjoni finali.
//= $special ?>