Internazzjonali

Jidħol fis-seħħ il-ftehim tal-UE mat-Turkija dwar l-immigrazzjoni…Intoppi mill-Greċja

Ftehim bejn l-UE u t-Turkija li jikkonfronta l-kriżi tal-immigrazzjoni daħal fis-seħħ b’mod formali. Minn issa ‘il quddiem, l-immigranti li jaslu fil-Greċja mistennija jintbagħtu lura lejn it-Turkija f’każ li huma ma japplikawx għall-kenn politiku inkella f’każ li jkollhom din iċ-ċaħda miċħuda.

L-influss tan-nies li qegħdin jaqsmu lejn il-Gżejjer Griegi żdied qabel id-deadline u l-Gvern tal-Greċja qal li ma kienx se jkun jista’ jimplimenta il-ftehim inkwistjoni b’seħħ immedjat.

Voluntiera fuq il-gżira Griega ta’ Lesbos, fl-aħħar sigħat, kienu qed jilqgħu l-ewwel immigranti li waslu hemm mindu l-ftehim beda jaħdem b’mod formali.

Kien hemm ukoll każ traġiku fejn dgħajsa mimlija bl-immigranti nqalbet ‘il hinn mill-kosta tat-Turkija, bil-konsegwenza li għerqet tifla ta’ erba’ xhur. Dan meta fl-aħħar sigħat, id-dinghies bl-immigranti komplew jaslu fl-ibħra ‘il barra minn Lesbos.

Taħt il-ftehim bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea, l-UE għandha tieħu ħsieb ir-rilokazzjoni ta’ refuġjat Sirjan minn ġo kamp għal refuġjati Torok għal kull refuġjat Sirjan li jintbagħat lura t-Turkija.

Iżda għad hemm dubji sostanzjali dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim, fosthom il-proċeduri li jippermettu r-ritorn tal-immigranti lejn it-Turkija. Dan meta madwar 2,300 espert, fosthom uffiċjali tas-sigurtà u l-immigrazzjoni, kienu mistennija jaslu fil-Greċja biex jgħinu jinfurzaw il-ftehim.

Sadanittant, l-uffiċjali Griegi tennew li l-ftehim ma setax ikun implimentat mal-ewwel peress li riedu jitfasslu dettalji kruċjali. Fil-fatt, uffiċjali tal-Gvern Grieg dwar l-immigrazzjoni kienu kkwotati li ‘pjan ta’ dan it-tip ma setax jiffunzjona wara biss 24 siegħa.’

L-iskop ewlieni wara l-ftehim bejn it-Turkija u l-UE hu li anqas immigranti jagħmlu l-vjaġġ perikoluż bil-baħar mit-Turkija lejn il-Greċja. Il-ftehim jipprovdi wkoll għall-għajnuna u konċessjonijiet politiċi lit-Turkija.