Il-Ministru tal-Intern Tork, Efken Ala, qal li l-aggressur suwiċida li, nhar is-Sibt, qatel ħames persuni b’kaġun ta’ splużjoni ta’ bomba fi triq ewlenija ta’ Istanbul kien membru attiv tal-ISIS.
Intant, fit-Turkija kienet għaddejja interrogazzjoni ta’ almenu ħames persuni li qegħdin jgħinu l-istħarriġ tal-pulizija b’konnessjoni mal-attakk. Dan meta l-awtoritajiet f’seba’ provinċji Torok qegħdin jirrevedu miżuri tas-sigurtà u sistemi ta’ curfews.
Il-poplu u l-istampa fit-Turkija, fl-aħħar sigħat, ikkundannaw bla riservi l-isplużjoni fit-Triq ta’ Istiklal – zona kummerċjali ewlenija u li tinkludi wkoll bini tal-Gvern. Sa mill-bidunett, kien hemm diversi allegazzjonijiet dwar ‘is-sehem tal-ISIS fl-istraġi’ fost konferma li l-mejtin f’dak l-attakk kienu jinkludu Iranjan u Iżraeljani li kellhom ukoll nazzjonalità Amerikana.
L-isplużjoni ħalliet madwar 40 midruba, fosthom Iżraeljani, Irlandiżi u ċittadini mill-Ġermanja, l-Iżlanda u d-Dubaj. Intant, l-awtoritajiet f’Istanbul, fil-preżent, jinsabu fuq stat ta’ allert assolut.
Fl-aħħar sigħat, numru kbir ta’ Torok marru fis-sit tal-isplużjoni biex iħallu bukketti tal-fjuri u noti b’solidarjetà mal-qraba tal-vittmi, fost preparamenti biex it-twiebet tal-Iżraeljani maqtula jitwasslu lura Iżrael. Il-Gvern Iżraeljan anki ħareġ ċirkolari biex iċ-ċittadini tiegħu ‘jevitaw li jżuru t-Turkija f’dawn iż-żmenijiet’.
It-terroristi tal-ISIS u militanti Kurdi, fl-aħħar xhur, ħadu responsabbiltà għal numru ta’ attakki fit-Turkija fejn spikka l-attakk ta’ Jannar, f’Istanbul, fejn mietu 12 il-turist Ġermaniż waqt suspettata aggressjoni suwiċida.
Il-Ministru Ala identifika l-aggressur tas-Sibt, f’Istanbul, bħala Mehmet Ozturk, imwieled f’Gaziantep, ‘u li kien qed jaġixxi għall-ISIS’. It-Turkija tifforma parti mill-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti kontra l-ISIS u ilha x-xhur tippermetti li l-qawwiet tal-ajru internazzjonali jużaw il-bażi f’Incirlik għal rejds fuq it-terroristi fl-Iraq u s-Sirja.
//= $special ?>