Lokali

L-istituzzjonijiet finanzjarji igiddbu lil Joseph Muscat

Waqt intervista fil-programm Dissett fuq l-istazzjon nazzjonali, il-Prim Ministru Joseph Muscat ftaħar li l-politika pro-business tal-Gvern tiegħu salvat lill-banek mill-falliment u li kieku ma kienx hemm l-intervent tal-Gvern, il-banek kienu jfallu u kull min kellu flus depożitati fil-banek kien jitlifhom.

Iżda l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-pajjiż giddbu lil Muscat u sostnew li f’dawn l-aħħar ħames snin, il-banek qatt ma kienu f’riskju ta’ falliment.

Il-gazzetta The Malta Independent on Sunday għamlet propju dawn il-mistoqsijiet lill-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, lill-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-banek kummerċjali ewlenin.

Ic-Chairman tal-MFSA, il-Professur Joe Bannister qal li s-sistema bankarja f’Malta hi waħda soda ħafna u li kieku l-banek kellhom bżonn xi forma ta’ intervent mill-Istat jew bailout, Malta kien ikollha tinforma lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Bank Ċentrali Ewropew u dawn kienu jagħmlu stqarrija pubblika. Mistoqsi jekk kienx hawn bżonn intervent tal-istat, il-Professur Bannister wieġeb li ma kien hawn ebda bank li kellu bżonn bailout jew għajnuna mill-istat.

L-istess mistqosijiet intbagħtu lill-Bank Ċentrali ta’ Malta li wieġeb li filwaqt f’pajjiżi oħra, il-banek u l-Gvern inqabdu f’ċirku vizzjuż fejn il-Gvern għen lill-banek u dgħajjef il-finanzi pubbliċi, dan qatt ma seħħ f’Malta u ma kienx hemm ħtieġa ta’ għajnuna mill-Gvern. Mistoqsi jekk id-depożiti kienux f’riskju, il-Bank Ċentrali wieġeb li le u żied jgħid li policies tal-MFSA, tal-Gvern u tal-istess Bank Ċentrali kienu essenzjali għall-istabilita’ finanzjarja.

The Malta Independent on Sunday bagħtet ukoll mistqosijiet lill-banek kummerċjali ewlenin. Filwaqt li l-HSBC talbu għal iktar żmien biex iwieġbu u l-bank Banif ma bagħat l-ebda risposta, ic-Chairman tal-Bank of Valletta, John Cassar White ikkonferma li l-bank tiegħu qatt ma kellu bżonn bailout u li d-depożiti tal-klijenti qatt ma kienu f’periklu.