Lokali

L-Ombudsman ried li tittieħed azzjoni kontra Ian Borg, iżda Joseph Muscat waqqaf kollox

Kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li naqas milli jaġixxi u ma ordnax li ssir reviżjoni tal-permess maħruġ b’mod irregolari fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg.

Sostna dan l-Ombudsman uxxenti Joseph Said Pullicino f’intervista mal-gazzetta The Sunday Times of Malta hekk kif it-tieni terminu tiegħu intemm ftit tal-ġranet ilu.

L-Ombudsman kien investiga iċ-ċirkostanza wara l-ħruġ tal-permess għall-bini ta’ propjeta f’Santa Katerina fil-limiti tar-Rabat.

Fir-rapport tiegħu, l-Ombudsman qal li l-permess inħareġ b’mod irregolari għaliex il-policies tal-MEPA ma kienux applikati b’mod korrett u li s-Segretarju Parlamentari uża metodi ta’ ingann biex jikseb il-permess.

L-Ombudsman kien ikkonkluda li s-sensiela ta’ omissjonijiet u varjazzjonijiet fl-applikazzjoni għall-iżvilupp ma jistgħux ikunu żball uman iżda jindikaw tentattiv konxju sabiex ineħħu ostakli għall-ħruġ tal-permess.

Kif titlob il-liġi, l-Ombudsman għadda r-rapport lill-Prim Ministru sabiex tittieħed azzjoni. Kien il-Prim Ministru li waqqaf kollox u li ddeċieda li ma jieħux azzjoni, sostna l-Ombudsman.