Internazzjonali

Suspettat terrorista jilmenta dwar ‘ksur ta’ kunfidenzjalità’

Raġel suspettat b’konnessjoni mat-terroriżmu storiku ta’ Novembru fi Franza qal li qed jippjana li jieħu azzjoni legali kontra Prosekutur Franċiż b’konnessjoni ma’ ksur ta’ kunfidenzjalità.

Ir-raġel, Salah Abdeslam, li qed jinżamm il-Belġju, kien ilu magħruf bħala ‘l-aktar raġel imfittex fl-Ewropa’. Hu, jiem ilu, spiċċa arrestat fil-Belġju wara li kien dam erba’ xhur jiżgiċċa lill-awtoritajiet. Intant, l-awtoritajiet fil-Belġju akkużaw lil Abdeslam b’reati konnessi mat-terrur waqt li hu ddeċieda li jikkuntesta l-estradizzjoni lejn Franza fi proċess li jista’ jdum sa tliet xhur.

Abdeslam, li qiegħed f’ħabs ta’ sigurtà massima fil-limiti ta’ Bruges, hu suspettat ewlieni fl-attakki terroristiċi tat-13 ta’ Novembru mill-ISIS li ħallew għexieren ta’ mejtin f’diversi bnadi ta’ Pariġi, il-kapitali ta’ Franza.

Il-prosekutur ta’ Pariġi, Francois Molins, qal lill-ġurnalisti li Abdeslam ammetta – waqt stqarrija lill-pulizija Belġjana – li hu ried itajjar lilu nnifsu waqt l-istraġi ta’ Novembru f’Pariġi, iżda hu, imbagħad, kien ‘bidel il-ħsieb’. Molins kompla li n-nies għandhom jittrattaw ‘b’kawtela’ l-istqarrijiet inizjali ta’ Abdeslam, li hu ċittadin Franċiż ta’ 26 sena.

Sven Mary, l-avukat ta’ Abdeslam li kien dam maħrub għal erba’ xhur, qal li l-klijent tiegħu qiegħed jikkoopera mal-awtoritajiet. Fl-istess ħin, Mary qal li għandu jieħu azzjoni legali kontra Molins talli ma rrispettax il-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni.

L-investigaturi qed jittamaw li Abdeslam, li spiċċa ferut f’saqajh waqt l-arrest, għandu jiżvela aktar informazzjoni dwar in-network tal-ISIS li għen għall-attakki terroristiċi ta’ Novembru, f’Pariġi. Dan meta jaħsbu li Abdeslam kien appoġġja lit-terroristi b’għajnuna loġistika ‘filwaqt li wassal qattiela tal-ISIS fiz-zona ta’ Stade de France biex huma jwettqu offensiva suwiċida’.

Magħruf ukoll li Franza qed tibgħat aktar truppi lejn il-fruntieri tagħha wara l-arrest ta’ Abdeslam. Il-Ministru tal-Intern Franċiż, Bernard Cazeneuve, qal li dawn it-truppi se jissieħbu ma’ aktar minn 5,000 suldat li ilhom mobilizzati minn wara l-attakki ta’ Novembru.