Skwadri ta’ investigaturi, bħalissa, qed jippruvaw jiksbu informazzjoni mill-kaxxi s-suwed tal-ajruplan – Boeing 737-800 – tal-linja FlyDubai li ġġarraf nhar is-Sibt fir-Russja, bir-riżultat li mietu t-62 persuna ta’ fuqu.
L-investigaturi Russi sostnew li l-kaxxi s-suwed tat-Titjira FZ981 kienu ġarrbu l-ħsarat fost it-tiġrif tal-Boeing fl-inħawi ta’ Rostov-on-Don. It-traġedja seħħet f’ħin meta l-ajruplan kien qed jipprova jinżel fl-ajruport ta’ Rostov meta kienu qed jiddominaw irwiefen kbar fiz-zona.
Il-Kumitat għall-Avjazzjoni Russu li qed imexxi l-investigazzjoni kkonferma li qed jaħdem flimkien ma’ speċjalisti minn Franza u l-Emirati Għarab Magħquda bl-iskop li jirkupraw data li kapaċi tixħet dawl fuq l-aħħar mumenti tal-Boeing.
L-awtoritajiet ta’ Rostov qalu li l-maltemp waqt l-inżul tal-ajruplan ġiegħel il-pilota jipprova ‘tieni tentattiv biex jinżel’. Intant, il-Kumitat Investigattiv Russu qal li fetaħ inkjesta kriminali ‘ladarba qed jikkunsidra, anki, żbalji mill-ekwipaġġ tal-ajruplan, flimkien ma’ xi difett tekniku tal-Boeing, il-maltemp u fatturi oħrajn’ bħala raġunijiet għat-traġedja.
Il-voice recorder tal-kabina tal-ajruplan jista’ jipprovdi tagħrif dwar id-deċiżjonijiet min-naħa tal-ekwipaġġ, sekondi qabel it-tiġrif.
Sadanittant, analiżi aktar iddettaljata tad-data miż-żewġ kaxxi suwed tat-Titjira FZ981 kapaċi ddum għaddejja l-ġimgħat jew anki x-xhur.
//= $special ?>