Bir-ritratti: Il-ħajja ta’ Mons Ġużeppi Mercieca – Arċisqof determinat iżda bla konfrontazzjoni

Imwieled ir-Rabat Għawdex fit-12 ta’ Novembru 1928, Ġużeppi Mercieca kien ordnat Isqof fid-29 ta’ Settembru 1974 u Arċisqof ta’ Malta fit-12 ta’ Diċembru 1976.

Dawn kienu s-snin sebgħin, meta l-Knisja f’Malta kellha quddiemha diversi sfidi u deċiżjonijiet importanti x’tieħu. Imqabbel mal-Arċisqof Gonzi, l-Arċisqof Mercieca kellu karatteristiċi differenti.

Mons Ġużeppi Mercieca kellu karatteristiċi partikolari għax kien Arċisqof b’viżjoni, li jippreferi s-soluzzjoni fis-silenzju milli l-konfrontazzjoni fil-pubbliku. Fil-perjodu li kien imexxi l-Knisja f’Malta, l-Arċisqof Mercieca jibqa’ sinominu għall-karattru li wera fil-ġlieda li l-Gvern Laburista għamel kontra l-Iskejjel u l-propjetà tal-Knisja fis-snin tmenin.

Il-ġlieda politiko-reliġjuża laħqet il-qofol tagħha bit-tkissir tal-Kurja waqt dimostrazzjoni Laburista fl-1984. Mons Ġużeppi Mercieca ffaċċja l-attakki personalment, tant li kien attakkat minn grupp ta’ Laburisti fil-Birgu u f’Raħal Ġdid, kif ukoll tpoġġietlu wkoll bomba mar-residenza tiegħu fl-Imdina.

Madankollu, quddiem din il-konfrontazzjoni, Mons Mercieca għażel li ma jeskalax il-konfrontazzjoni, iżda d-determinazzjoni fis-skiet.

Matul it-tmexxija tal-Knisja f’Malta, l-Arċisqof Emeritus kellu l-opportunità jilqa’ darbtejn lill-Papa San Ġwanni Pawlu II f’Malta: f’Mejju 1990 u f’Mejju 2001 meta kienu bbeatifikati Dun Ġorġ Preca, Adeodata Pisani u Nazju Falzon.

Fl-aħħar snin, saħħet Mons Mercieca marret lura. Dan wassal biex fil-11 ta’ Novembru 2003, hu offra lill-Qdusija Tiegħu l-Papa r-riżenja tiegħu minn Arċisqof ta’ Malta, skont kif titlob il-Liġi tal-Knisja dwar l-Isqfijiet Djoċesani li jilħqu l-età ta’ 75 sena. Hu rtira minn Arċisqof fit-2 ta’ Diċembru 2006, fl-età ta’ 78 sena, wara n-nomina tal-Arċisqof il-ġdid, Mons Pawlu Cremona.

Fl-aħħar sigħat ta’ ħajtu, hu kien imdawwar mill-Arċisqof Mons Charles Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Mons Mario Grech u l-Arċisqof Emeritus Mons Pawlu Cremona.