Ewropa Għawdex

Gżejjer bħal Għawdex iridu iktar flessibilità – Roberta Metsola

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola enfasizzat l-importanza li fl-UE wieħed jadotta iktar flessibilità meta jittratta dwar gżejjer żgħar li huma reġjuni, bħal Għawdex.

F’attività fil-Parlament Ewropew iddedikata għall-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer u l-kuntest tal-Baġit tal-UE għall-2014-2020, l-MEP Nazzjonalista nsistiet li l-gżejjer madwar l-UE jeħtieġu iktar ħidma biex ħadd ma jibqa’ lura fl-Ewropa.

Spjegat li minbarra li Malta hi nazzjon-gżira, hemm ukoll ir-reġjun-gżira t’Għawdex li għandu l-karatteristiċi tiegħu, il-ħtiġijiet u d-diffikultajiet partikolari tiegħu minħabba l-insularità doppja.

Dr Metsola rrimarkat li għall-perjodu bejn l-2014-2020, Malta ġiet allokata madwar €729 miljun f’fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, li 90.3% minnhom ġew allokati għal Malta u 9.7% biss għal Għawdex.

L-MEP Nazzjonalista qalet li mis-sħubija ta’ Malta fl-UE, Għawdex gawda b’diversi modi, bl-UE tirrikonoxxi d-diffikultajiet li jiffaċċja Għawdex u li jeħtieġu attenzjoni partikolari hekk kif jiddependi minn Malta li bħala gżira diġà tiffaċċja l-problema tal-insularità doppja.

Filwaqt li rrikonoxxiet id-Dikjarazzjoni dwar il-Gżira Reġjun t’Għawdex, fit-Trattat ta’ Sħubija, Roberta Metsola saħqet li jeħtieġ li jsir iżjed biex jonqsu d-differenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp fi ħdanhom u f’inħawi oħra fl-UE, fosthom billi jinħolqu kundizzjonijiet ġusti għall-ħolqien tax-xogħol u t-titjib serju tal-konnessjoni bejn Għawdex u Malta.

Irrimarkat li regoli ta’ one-size-fits-all ma jaħdmux bl-istess mod f’kull reġjun tal-UE għalhekk ħeġġet iktar flessibilità.

Semmiet it-Ten-T network tat-trasport u qalet li l-gżejjer Maltin għadhom lura minħabba n-natura tagħhom ta’ periferija, filwaqt li spjegat li din is-sena se tingħata iktar attenzjoni lill-aspett marittimu ta’ dan in-network. Għalhekk, esprimiet it-tama tagħha li Malta u Għawdex jkunu preżenti b’iktar enfażi f’dan il-pjan rivedut, temmet tgħid Dr Metsola.