Kummerċ

Iċċelebrata l-ewwel titjira ta’ rotta ġdida bejn Malta u l-Ġermanja

Fl-aħħar jiem, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta żdiedu titjiriet minn żewġ rotot ġodda, dik minn Poznan fil-Polonja u issa, permezz ta’ Ryanair, minn Baden-Baden fil-Ġermanja.

Stqarrija tal-ajruport tgħid li din l-aħħar rotta se ttejjeb il-konnessjoni ta’ Malta mal-Ġermanja, speċjalment mar-reġjun ta’ Baden-Württemberg, li fih hemm il-Black Forest, li s’issa kien jista’ jintlaħaq biss b’titjiriet lejn il-kapitali Stuttgart. It-titjira tieħu inqas minn tliet sigħat u tħalli Malta kull nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Sibt.

L-ajruport qal li b’mod ġenerali Malta u l-Ġermanja huma konnessi b’mod tajjeb, bil-Ġermanja tkun fost is-swieq ewlenin għall-passiġġieri lejn il-Gżejjer Maltin.

Baden-Baden hu famuż għan-nixxiegħat sħan, utilizzati bħala terapija, u għall-ħdura tant li hi destinazzjoni ideali għal persuni li jridu jirrilassaw u jridu ftit arja tajba. Hi ideali wkoll għal dawk li jridu btala iktar avventuruża, fosthom għal opportunitajiet ta’ mixi u trekking.

Din l-okkażjoni ġiet imfakkra b’merħba speċjali lill-passiġġieri tal-ewwel titjira u b’kejk ta’ ċelebrazzjoni.