Lokali

Il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali

Il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali jiġi ċċelebrat fil-21 ta’ Marzu. F’dik il-ġurnata, fl-1960, f’Sharpeville, fl-Afrika t’Isfel, il-pulizija kienu qatlu 69 persuna waqt dimostrazzjoni paċifika fi żmien ir-reġim tal-Apartheid. Sitt snin wara, fl-1966, l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, appellat lill-komunità internazzjonali sabiex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni razzjali u pproklamat din il-ġurnata bħala Jum ta’ Ċelebrazzjoni mill-Ġnus Magħquda.

Il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali jfakkar lil dawk li nqatlu minħabba d-diskriminazzjoni razzjali, iqajjem kuxjenza fuq it-tbatija li jgħaddu minnha ħafna nies minħabba nuqqas ta’ tolleranza razzjali u jinkoraġġina nibqgħu niġġieldu kull għamla ta’ diskriminazzjoni minħabba r-razza.

Il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista, l-FOIPN, huwa l-Forum tal-Partit Nazzjonalista għall-Ugwaljanza. L-għan ta’ dan il-forum huwa li jiġġieled kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u li jassigura li fis-soċjetà kulħadd jingħata l-istess opportunitajiet. F’dan il-jum, l-FOIPN jixtieq iħeġġeġ lin-nazzjon sabiex inkabbru l-isforzi tagħna biex neliminaw kull diskriminazzjoni minħabba r-razza u nkomplu nedukaw bl-iskop li jkollna soċjetà aktar inklussiva. L-FOIPN jixtieq ifakkar li l-kbar iridu jagħtu l-eżempju liż-żgħar u li b’dak li jagħmlu għandhom iwasslu messaġġi kontra d-diskriminazzjoni.

Il-FOIPN se jkompli jaħdem qatigħ sabiex nirbħu kontra kull diskriminazzjoni u se jibqa’ jwassal messaġġ favur soċjetà ġusta għal kulħadd. Il-forum jixtieq iħeġġeġ lil kull min iħossu ddiskriminat sabiex jikkuntattja lil xi membru tal-forum. Il-forum irid ikun il-vuċi ta’ dawk li m’għandhomx leħen u jsemma’ l-karba ta’ min qiegħed ibati.