Lokali

Illum jitfakkar il-Jum Dinji għad-Down Syndrome

Id-Down Syndrome Association Malta qed tfakkar il-jum dinji għal din id-diżabilità. Intagħżlet din il-ġurnata li tgħaqqad flimkien il-21 kromożoma u n-numru tlieta, għat-tliet kopji ta’ din il-kromożoma, li toħloq din il-kundizzjoni ġenetika li toħloq diżabilità intellettwali.

Down syndrome tiġi djanjostikata mat-twelid, b’osservazzjoni u b’testijiet ġenetiċi. Hi l-iktar abnormalità komuni għall-kromożomi. Persuni milquta minnha jistgħu jitgħallmu bħal kull persuna oħra, jekk jingħataw l-opportunitajiet u l-appoġġ it-tajjeb. Jattendu skejjel mainstream ma’ tfal oħra, jaħdmu f’impjieg miftuħ u eventwalment jistgħu jgħixu b’mod indipendenti.

Id-Down Syndrome Association Malta qalet li d-dinja trid tħares lejn l-abbiltà tal-persuna b’Down Syndrome, mhux lejn id-diżabilità, u li wieħed jista’ jitgħallem ħafna minn persuna milquta minn din il-kundizzjoni ġenetika.

L-assoċjazzjoni spjegat li l-jum dinji jiġi ċċelebrat biex joħloq iktar għarfien filwaqt li jfakkar lil kulħadd li hemm bżonn ta’ azzjoni.

Spjegat li persuni bid-Down Syndrome jridu li jkunu aċċettati u li jiffurmaw parti mis-soċjetà, filwaqt li fakkret li dawn għandhom entużjażmu biex jitgħallmu, biex imorru għax-xogħol u biex jiddevertu ma’ ħaddieħor. Iridu jiġi mismugħa u jkollhom ħajja bħal ħaddieħor mhux li jkunu maqtugħin għalihom weħidhom. Li qed jitolbu hu biss għajnuna adegwata biex huma wkoll jilħqu l-ħolm u x-xewqat tagħhom.

L-assoċjazzjoni enfasizzat li l-bnedmin mhux kulħadd l-istess. Kulħadd hu bniedem u għandu l-limiti tiegħu. Għalhekk insistiet li wieħed għandu jħares lejn it-tazza bħala nofsha mimlija mhux nofsha vojta.