Lokali

L-Awtorita’ tax-Xandir se tkun l-isponsor tas-26 Edizzjoni tal-Malta Journalism Awards

F’ċerimonja qasira fil-binja tal-Awtorita’ tax-Xandir, iċ-Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, Karl Wright, iltaqa’ ma’ Tanya Borg Cardona iċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir, fejn ġiet diskussa is-26 Edizzjoni tal-Malta Journalism Awards.

Matul iċ-ċerimonja, Tanya Borg Cardona stqarret li għal sena oħra l-Awtorita’ tax-Xandir se tkun qegħda tisponsorja l-kategoriji tal-Broadcast Media fil-Malta Journalism Awards. Hi kompliet billi stqarret li l-Awtorita’ tax-Xandir hi kburija li se tkun qegħda tikkontribwixxu fl-għotijiet ta’ dawn il-premji li se jingħataw lill-ġurnalisti għall-ħidma tagħhom.

Minn naħa tiegħu Karl Wright qal li dawn il-premji qegħdin iħallu l-frott fil-ġurnaliżmu Malti, hekk kif il-kwalita’ qegħda tkompli titjieb fl-istejjer li qegħdin jiġu rrapurtati, jkomplu jimbuttaw lill-ġurnalisti jaħdmu aktar.

Iċ-Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin rringrazzja lill-Awtorita’ tax-Xandir tal-appoġġ kontinwu, fejn l-istess awtorita’ se tkun qegħda tagħti appoġġ finanzjarju għal erba’ kategoriji, li huma: TV script of News, TV script of Features, Broadcst Film Journalism, and Broadcast Radio Journalism.

F’din il-laqgħa, attenda Roderick Agius, s-Segretarju Ġenerali tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u bħala ċ-Chief Executive tal-Awtorita’ tax-Xandir attenda Pierre Cassar.