Barack Obama tniżżel fl-istorja hekk kif sar l-ewwel President Amerikan li għamel żjara uffiċjali f’Kuba f’dawn l-aħħar 88 sena.
Żjara ta’ tlett ijiem li setgħet isseħħ wara li s-sena li għaddiet iż-żewġ pajjiżi reġgħu stabbilew relazzjonijiet diplomatiċi wara snin twal iqiesu lil xulxin bħala għedewwa.
It-Tnejn Obama iltaqa’ f’Havana mal-President Kuban Raul Castro iżda ma kien hemm ebda pjani għal laqgħa ma’ ħuħ Fidel, li kien mexxa r-rivoluzzjoni Kubana iżda ftit snin ilu rtira mix-xena pubblika għal raġunijiet ta’ saħħa.
Għalkemm din hi l-ewwel darba li President Amerikan mar Kuba fl-istorja moderna, din hi r-raba’ laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja.
F’Kuba, il-President Amerikan qal li fil-pajjiż kienet se sseħħ il-bidla u l-President Castro kien jagħraf dan.
L-ewwel waqfa ta’ Obama hekk kif wasal il-Ħadd kienet żjara fl-ambaxxata Amerikana li fetħet ftit ilu f’Havana. Mixja li Obama u martu Michelle mbagħad għamlu tul it-toroq ta’ Havana bl-iskop li jiltaqgħu mal-poplu kienet imħarbta minħabba maltempata tropikali. Imma l-filmati u ritratti ta’ Obama u martu mixjin fit-toroq minkejja x-xita qalila kienu apprezzati minn ħafna Kubani u tqisu bħala turija tad-determinazzjoni li l-affarijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jitranġaw.
Tissokta ż-żjara storika ta’ Obama f’Havana
