Id-Deputat Mexxej Laburista u Ministru Konrad Mizzi qed jibqa’ jevita milli jiltaqa’ u jiffaċċja lill-media dwar l-Iskandlu Panamagate u l-aħħar żviluppi li kienu żvelati mill-gazzetta The Malta Independent on Sunday.
Fil-ħarġa tal-bieraħ, il-gazzetta rrappurtat li l-kumpanija sigrieta tal-Ministru Mizzi fil-Panama tpoġġiet fit-Trust fi New Zealand fl-istess jum li fih Gasol plc bigħet l-ishma tagħha fil-konsorzju Electrogas. Dwar dan, intbagħtu wkoll numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministru, li iżda baqgħu mhux imwieġba.
Iżda minkejja n-nuqqas ta’ tweġiba għall-mistoqsijiet, id-Deputat Mexxej Laburista wieġeb lill-gazzetta b’żewġ emails f’sagħtejn. Dawn kienu ppubblikati fis-sit elettroniku tal-gazzetta nnifisha.
Madankollu, fil-ħarġa tal-lum, The Malta Independent sostna li l-istedina lill-Ministru Konrad Mizzi biex iwieġeb il-mistoqsijiet li ntbagħtulu għadha miftuħa. Fl-istess waqt, fil-faċċata, il-ġurnal ippubblika wkoll in-notifika mibgħuta lir-Reġistru tal-Kumpaniji bit-trasferiment tal-ishma tal-Gasol … nhar it-28 ta’ Lulju, l-istess jum meta l-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi fil-Panama tqegħdet fit-Trust fi New Zealand.
Fit-tweġibiet mibgħuta f’isem Konrad Mizzi, mill-Avukat tiegħu Aron Mifsud Bonnici u mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, ingħad li ż-żewġ fatti huma purament kumbinazzjoni.
Madankollu, u minkejja l-isforzi ta’ The Malta Independent biex jieħu l-kummenti direttament mingħand il-Ministru Konrad Mizzi, dan qed jaħrab u jevita milli jwieġeb lill-ġurnalisti.
Bl-istess mod, id-Deputat Mexxej Laburista jidher li reġa’ kien assenti mill-attività politika li l-Mexxej Laburista Joseph Muscat indirizza lbieraħ filgħodu fil-Każin Laburista ta’ Ħal Luqa.
//= $special ?>

