Internazzjonali Lokali

Il-punti ewlenin s’issa:
• Mill-anqas 34 mejta, 136 feruti
• “L-ebda theddida għal Malta” – il-PM
• Malti fost il-feruti fl-Ajruport
• Appell lill-Maltin biex ma joħorġux
• L-Air Malta tissospendi l-vjaġġi

M’hemm l-ebda theddida għal Malta. Hekk iddikjara l-Prim Ministru Joseph Muscat fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara l-isplużjonijiet li seħħew fi Brussell. L-isplużjonijiet, li kmieni dalgħodu heżżew l-Ajruport ta’ Zaventem fi Brussell, seħħew fis-sistema tal-metro fil-qalba tal-kapitali Belġjana.

S’issa n-numru ta’ mejta hu ta’ 34 b’kollox (21 fl-Ajruport u 13 fl-istazzjon tal-metro). Min-naħa l-oħra, dawk feruti huma 136. Fost dawn hemm il-Malti Lorenzo Vella (ritratt xellug), li skont l-ewwel rapporti kien fl-Ajruport ma’ martu, li hi tqila. Hu sofra feriti gravi, għalkemm il-feriti li sofra mhumiex ta’ natura serja.

Diversi rapporti qed jindikaw li fil-mira tal-ewwel żewġ splużjonijiet kien hemm iċ-Check-In Desk tal-American Airlines. L-isplużjonijiet twettqu minn żewġ persuni f’attakk suwiċida. Skont l-iskeda tal-lum, kellu jkun hemm titjira waħda li tħalli Malta lejn Brussell għall-ħabta tal-4pm.

Madankollu, l-Ajruport u anke s-sistema kollha tal-metro ngħalqu kompletament. Fil-każ tal-Maltin li jgħixu fi Brussell, sar ukoll appell biex dawn ma joħorġux minn djarhom, hekk kif l-awtoritajiet għollew il-livell kontra t-terroriżmu.

Min-naħa tagħha, il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta ħabbret li t-titjiriet KM420 u KM421 bejn Malta u Brussell ġew sospiżi għal-lum u sakemm joħorġu aktar aġġornamenti. Il-persuni li kellhom vjaġġ miktub huma mitluba jċemplu l-Uffiċċji tal-Air Malta f’pajjiżna (+356) 2166 2211 jew fi Brussell (+32) 0902 33427.