Internazzjonali

Differenzi bejn Obama u Castro rigward id-drittijiet umani

epa05224659 US President Barack Obama (L) and his Cuban counterpart Raul Castro (R) at the end of a joint press conference at the Revolution Palace in Havana, Cuba, 21 March 2016. US President Barack Obama is on an official visit to Cuba from 20 to 22 March 2016; the first US president to visit Cuba since Calvin Coolidge 88 years ago. EPA/ALEJANDRO ERNESTO

Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, u l-President ta’ Kuba, Raul Castro, trattaw id-differenzi dwar kwistjonijiet tad-drittijiet umani, waqt konferenza tal-aħbarijiet storika f’Havana.

Il-konferenza konġunta saret meta Obama qed iħejji biex jikkonkludi ż-żjara ta’ tlett ijiem f’Kuba Komunista u fejn qed jittama li l-Istati Uniti u Kuba jkomplu bit-tkattir tar-relazzjonijiet bilaterali waqt li jiffaċċjaw issues diffiċli li jinkludu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Il-kwistjonijiet trattati waqt il-konferenza f’Havana kienu jinkludu l-każ tal-priġunieri politiċi u l-ħabs Amerikan fil-Bajja ta’ Guantanamo (f’Kuba). Il-President Castro qal, waqt il-konferenza, li hu ikun lest li jeħles priġunieri politiċi ‘minnufih’ jekk jingħata lista, filwaqt li l-White House ta’ Washington tenna li, fil-passat, kienu tressqu listi ta’ dissidenti lil Kuba.

L-uffiċjali Amerikani, intant, qed isostnu li Castro ma jqisx numru ta’ priġunieri indikati bħala dissidenti. Il-President Castro qal ukoll li jrid isir aktar biex titneħħa l-embargo tal-Istati Uniti għall-kummerċ ma’ Kuba filwaqt li ħeġġeġ biex jingħalaq il-ħabs ta’ Guantanamo.

Min-naħa tiegħu, Barack Obama, li sar l-ewwel President Amerikan li żar Kuba mill-1959, qal li l-embargo kummerċjali, ’il quddiem, għandu jitneħħa għal kollox.
‘Id-destin tal-Kubani mhix se tkun deċiża mill-Istati Uniti jew minn pajjiż ieħor iżda mill-poplu ta’ Kuba u ħadd aktar’, tenna Obama.

Meta, wara l-konferenza, Obama tkellem mal-istazzjon ABC News, hu ma qalx ċar u tond jekk għandux jipprovdi lista ta’ priġunieri politiċi għall-President Castro.

Il-Mexxej Amerikan fakkar li l-Istati Uniti, fil-passat, ippreżentat il-listi lil Kuba u li l-Kubani wieġbu, minn żmien għal żmien, għall-inizjattiva. Hu, għaldaqstant, jemmen li jkun aħjar li ‘(l-Amerikani) javvanzaw il-valuri li jimpurtahom minnhom milli jinsistu b’embargo u politika ta’ silenzju nieqsa mill-komunikazzjoni’ fil-konfront ta’ Kuba.

Ftit tal-ħin ilu, Obama tkellem dwar ‘futur ibbażat fuq it-tama’ għal Kuba waqt diskors li xxandar dirett mit-Teatru Kbir ta’ Havana. Waqt id-diskors hu tenna li
kien mar fil-pajjiż komunista biex ‘jidfen l-aħħar ħjiel tal-Gwerra Bierda’ u li Kuba ‘mgħandhiex għalfejn tinkwieta mill-Istati Uniti’.