Internazzjonali

L-ewwel każ taz-Zika fil-Korea t’Isfel

L-awtoritajiet fil-Korea t’Isfel ikkonfermaw l-ewwel każ tal-virus Zika wara li kien eżaminat raġel li għadu kemm irritorna mill-Brażil.

Iċ-Ċentri għall-Kontroll u Prevenzjoni tal-Mard qalu li r-raġel infettat, li għandu 43 sena, bħalissa qed jingħata trattament fil-belt ta’ Gwangju.

L-aħħar rapporti tennew li r-raġel inkwistjoni qed jinżamm fi kwarantina, bl-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw l-aħħar movimenti tiegħu mindu hu rritorna d-dar.

Iz-zika hu virus li jinġarr min-nemus u ġie ddikjarat bħala l-kaġun ta’ emerġenza tas-saħħa globali mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Il-virus inkwistjoni nfirex malajr fil-Brażil u pajjiżi oħra Latini Amerikani, waqt li hu anki suspettat li z-Zika tikkaġuna d-difetti fit-trabi li jkunu għadhom fil-ġuf tal-omm.

Madankollu, esperti mal-WHO qegħdin iwissu biex in-nies ma jiġbdux konklużjonijiet mgħaġġlin biex jorbtu z-Zika mal-kundizzjoni magħrufa bħala microcephaly, fejn it-trabi jitwieldu b’difetti fir-ras. Dan peress li għad mhemmx provi rrifjutabbli dwar il-konnessjoni.

Fl-aħħar ġimgħat kien hemm xi pajjiżi oħra tal-Asja li rrappurtaw numru ta’ infezzjonijiet taz-Zika iżolati.