Internazzjonali

L-ISIS jieħu responsabbiltà għat-terrur fi Brussell

L-attakk ta' sena ilu fi Brussell

Ġellieda tal-ISIS assumew ir-responsabbiltà għall-isplużjonijiet qattiela li aktar kmieni dalgħodu heżżew ajruport u metro fiz-zona ta’ Brussell.

Dan ħareġ minn rapporti ġodda, meta hu kkonfermat li mietu aktar min 20 persuna fl-isplużjonijiet u meta mifhum li hemm l-għexieren tal-midruba. Iċ-ċifri tal-vittmi jistgħu jiżdiedu fis-sigħat li ġejjin.

L-ewwel rapporti dwar ‘ir-responsabbiltà tal-ISIS’ ħarġu mill-istampa tal-Kurdi. Dan meta esperti tas-sigurtà u sorsi qrib il-Gvern kienu indikaw minn qabel li l-istraġi fi Brussell ‘x’aktarx kien dovut għal dak il-grupp terrorista’.

L-attakki tallum fi Brussell seħħew jiem wara l-arrest ta’ Salah Abdeslam f’Molenbeek, li hu distrett tal-kapitali Belġjana. Abdeslam hu suspettat ewlieni konness mal-attakki terroristiċi storiċi ta’ Novembru, f’Pariġi, li ħallew għexieren ta’ mejtin u midruba fil-kapitali Franċiża.

L-esperti, issa, qed iwissu li l-attakki terroristiċi tallum fi Brussell setgħu kienu offensiva ‘ta’ tpattija’ mill-ISIS minħabba l-arrest ta’ Abdeslam.