Lokali Mużika

Mużika Maltija ċentrali f’kunċert ta’ proġett ġdid mill-Orkestra taż-Żgħażagħ

L-Orkestra taż-Żgħażagħ ta’ Malta (MYO) hija l-protagonista fi proġett ġdid li se jiġi varat b’kunċert ta’ tnedija, MYO Butterfly Project – The Beginnings, b’taħlita ta’ ġeneri mużikali b’element ċentrali – il-Mużika Maltija.

Kris u Daniel ta’ Kafena, Nadine Axisa, Corazon, Kantilena u Joe Roscoe se jippreżentaw id-diski oriġinali tagħhom, filwaqt li Julie Zahra, Mike Portelli, Remy Azzopardi u Brooke se jinterpretaw klassiċi Maltin, irranġati u esegwiti mill-MYO.

Mużiċisti lokali se jkollhom l-opportunità juru t-talenti tagħhom fi spettaklu mużikali ta’ kwalità għolja. Żewġ mużiċisti ta’ fama internazzjonali, Luca Colombo (kitarra) u Lorenzo Bassignani (baxx), se jingħaqdu mal-MYO f’dan il-kunċert, u se jagħtu masterclasses b’xejn fis-Sala Robert Sammut, il-Floriana, bejn 10am sas-1pm. Dawn bdew fl-20 ta’ Marzu u se jibqgħu għaddejin sal-24 ta’ Marzu.

L-idea tal-farfett ġiet biex jissimbolizza artisti lokali li jagħmlu minn kollox biex jiksbu ċerti riżultati, iżda huma ostakolati minħabba ċerti limitazzjonijiet. Bħall-biċċa l-kbira tal-friefet, dawn jistgħu jpassu biss fuq distanzi qosra.

Il-kunċert se jittella f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi nhar is-Sibt, 26 ta’ Marzu fit-8.00pm. Id-dħul huwa b’xejn għalkemm donazzjonijiet ta’ €5 b’risq Puttinu Care se jkunu ferm apprezzati.