Internazzjonali

Myanmar: Suu Kyi għandha tmexxi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Aung San Suu Kyi, ir-rebbieħa tan-Nobel għall-Paċi li l-partit tagħha rebaħ elezzjonijiet storiċi fi Myanmar, għandha tieħu kariga ewlenija fil-Kabinett ġdid ta’ dan il-pajjiż. Suu Kyhi hi pprojbita milli tassumi l-Presidenza ta’ Myanmar u qabel din l-aħbar, ma kienx mistenni li hi kienet se taċċetta ministeru.

Madankollu, Suu Kyi kienet fuq lista ta’ 18 li kienet sottometta lill-Parlament mingħand il-President-elett Htin Kyaw. Imkejjen fil-kapitali Yangon qed jgħidu li Suu Kyi se tieħu d-dekasteri għall-Affarijiet Barranin, l-Enerġija u l-Edukazzjoni. Mifhum ukoll li hi se tkun Ministru ‘fl-Uffiċċju tal-President ta’ Myanmar’, bir-rapporti jgħidu li ‘ma nħatret l-ebda mara oħra fil-Kabinett ġdid’.

Il-Kostituzzjoni ta’ Myanmar, li tfasslet mill-membri tal-Ġunta militari li waslet biex tispiċċa, ma tippermettix li Suu Kyi tilħaq President tal-pajjiż għaliex iż-żewġ uliedha għandhom passaporti Britanniċi. Minkejja ġimgħat ta’ negozjati, il-Lega Nazzjonali għal Demokrazija ta’ Suu Kyi ma rnexxietx fl-isforzi biex tipperswadi lill-militar ħalli jneħħi jew jissospendi dik il-klawsola.

Fl-aħħar jiem, Aung San Suu Kyi kienet diġà għamlitha ċara li hi, irrispettivament mill-iżviluppi politiċi, kellha l-ħsieb li tmexxi l-Gvern ġdid f’Yangon.

Ħmistax mill-ismijiet fuq il-lista ta’ Ministri ntgħażlu proprju minn Suu Kyi, li għamlet is-snin bħala priġunier politiku, bi tliet Ministri jintgħażlu mill-Kap-kmandant tal-Armata. Il-Parlament mistenni jivvota, aktar ’il quddiem fil-ġimgħa, biex jikkonferma l-karigi.

Il-Lega Nazzjonali għal Demokrazija għandu maġġoranza kbira fiż-żewġt ikmamar tal-Parlament, għalkemm il-militar jokkupa, awtomatikament, madwar 25 fil-mija tas-siġġijiet.

Jekk tkun ikkonfermata Ministru għall-Affarijiet Barranin, Suu Kyi ikollha tirriżenja minn deputat u ma tiħux aktar sehem f’attivitajiet tal-Lega. Dan skont l-istruttura politika kkumplikata ta’ Myanmar.