“Jien iddiżappuntat – li dan il-Gvern qiegħed iwaqqa’ l-livell tal-politika f’pajjiżna. U Joseph Muscat dak li jrid jagħmel, li jġiegħel lill-poplu Malti ma jarax differenza bejn il-partiti politiċi. Iżda jien dħalt fil-politika biex nagħmel differenza, u hekk se nagħmel” – kien dan il-kliem tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq il-programm Newsfeed. Din ir-reazzjoni ta’ Simon Busuttil ingħatat wara mistqosija dwar l-istabbilita’ ta’ pajjiżna, u kif l-fiduċja tal-poplu fil-politika qegħda dejjem tonqos.
Simon Busuttil qal li hu negattiv min jagħmel l-iskandli, mhux min jikxxifihom u min jassigura li tintrefa responsabbilta’ politika. Hu kompla jgħid, kif hu fl-aħħar tas-sena l-oħra kien sejjaħ s-sena 2015 bħala s-sena tal-iskandli, iżda fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, diġa’ qbiżna dak kollu li ġara s-sena l-oħra.
Waqt l-intervista, il-Kap tal-Oppozizzjoni tkellem ukoll dwar l-attakki terroristiċi li seħħu fi Brussell. Għal dawn l-attakki Simon Busuttil qal: “Irridu nagħmlu iktar milli nikkundannaw. Irridu naraw li l-forzi tal-ordni madwar l-Unjoni Ewropea jingħaqdu kollha, sabiex l-attakki bhal dawn inwaqqfuhom qabel ma jsiru”.
Simon Busuttil qal li attakk fuq Brussell, huwa attak fuq il-poplu Malti kollu. Dan minħabba li dak li jiġri fi Brussell jaffettwa lil pajjiżna wkoll, iżda attakk fuq Malta wkoll minħabba li hemm numru kbir ta’ familji Maltin li jgħixu hemm, fejn saħansitra indarab persuna ta’ nazzjonalita’ Maltija.
Waqt il-programm Newsfeed, Simon Busuttil indirizza wkoll it-telfa nazzjonali tal-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca. It-Tlieta filgħodu, il-Kap tal-Oppozizzjoni żar il-Kon Katidral ta’ San Ġwann fejn kien hemm espost l-istess Arċisqof. Hu qal li l-Arcisqof Mercieca kien sinsla b’saħħitha waqt il-ġlieda bejn Gvern Laburista u l-Iskejjel tal-Knisja. Kompla, billi stqarr li minkejja l-umilta’ u l-kalmezza tiegħu, hu irnexxilu jurina li kien bniedem tal-punt u determinat. Temm jgħid li l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca urina tmexxija li aħna m’aħniex imdorrijin biha.
//= $special ?>

