Sport Waterpolo

“Se npoġġu l-attenzjoni tagħna fuq iż-żgħażagħ biex nibqgħu nkabbru l-Waterpolo” – Joe Caruana Curran

 

Matul il-ġimgħatejn li ġejjin, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Waterpolo għandha żewġ impenji importanti għat-timijiet ta’ taħt is-17-il sena tal-irġiel kif ukoll tan-nisa li għalihom se tkun l-ewwel esperjenza.

Il-Ħamis li ġej it-tim ta’ taħt is-17-il sena se jmur Vienna fl-Awstrija taħt it-tmexxija tal-kowċ Karl Izzo. Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li bħala assoċjazzjoni qed jagħtu importanza kbira lil dan il-grupp għaliex b’dan il-grupp, se jipparteċipaw biex jikkwalifikaw għall-Kampjonati Ewropej ta’ taħt it-18-il sena. Caruana Curran rringrazzja lill-klabbs tal-għajnuna tagħhom.

Il-kowċ Karl Izzo iqis lit-tim bħala wieħed interessanti u jittama li jżommu t-tradizzjoni li jibqgħu jikkwalifikaw. Izzo qal li l-problema dejjem tkun l-għażla u minn 20 plejers l-għażla finali niżlet għal 14-il plejer b’Keith Tanti jibqa’ barra mill-iskwadra wara li weġġa’.

It-tim Nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena kien qiegħed jitħarreġ tliet darbiet filgħodu u darbtejn filgħaxija għal dan it-tournament importanti li se jkun fih 12-il tim. It-tim Malti kien rebaħ l-aħħar żewġ tournaments u dik se tkun il-mira tal-grupp. Fost dawk magħżula hemm Ken Erdogan u Nikolai Zammit ta’ Neptunes u Jan Culic ta’ Sliema li jattendu l-iskola Nazzjonali tal-Isport filwaqt li Jacob Sciberras ta’ Sirens, Matthias Azzopardi ta’ Neptunes u Darren Zammit ta’ San Ġiljan kienu parti mill-iskwadra li s-sena l-oħra marret Baku għall-Kampjonati Ewropej ta’ taħt is-17-il sena.

Esperjenza għal tim ta’ taħt is-17-il sena se tkun ukoll tat-tfajliet li se jilagħbu għall-ewwel darba f’tournament Internazzjonali. Il-kowċ tat-tim tan-Nisa Anthony Farrugia rringrazzja l-President u l-Eżekuttiv tal-fiduċja tagħhom biex inbena dan it-tim fuq inizjattiva tal-President Caruana Curran. Teżisti l-possibiltà li dan it-tim jikkompeti fil-Kampjonati Ewropej f’Settembru iżda se jkun qed jagħmlu użu minn din l-esperjenza fid-Danimarka biex jiddeċiedu.

Farrugia qal li bħalissa l-kampjonat tan-nisa hu wieqaf iżda wkoll meta jintlagħab ma jdumx għal fatt li hemm ftit timijiet. It-tfajliet ilhom jippreparaw għal dawn l-aħħar ħames xhur u Farrugia afferma li mhux se tkun faċli għaliex hi l-ewwel esperjenza, hemm xi tfajliet se jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet filwaqt li t-tfajliet huma ta’ età żgħira.

Minkejja dan, Anthony Farrugia sostna li huma mhux se jaqtgħu qalbhom fejn hemm plejers ukoll ta’ kwalità bħal Michela Zammit li tilgħab ma’ Messina filwaqt li Elena Borg tinsab għal training camp ma’ Padova. Barra minn hekk oħt Stevie Camilleri, Sophie kellha żewġ okkażjonijiet biex tmur barra minn Malta iżda ma rnexxilix minħabba l-eżamijiet

Il-President Caruana Curran qal li għal ħafna żmien ma ngħatatx l-importanza meħtieġa liż-żgħażagħ u sostna li bħala assoċjazzjoni se jkomplu jpoġġu l-attenzjoni tagħhom biex il-Waterpolo ikompli jikber f’pajjiżna filwaqt li jkomplu jtejtbu r-rankings tagħhom.

Caruana Curran irringrazzja lill-ġenituri ta’ dawn it-tfal li jilagħbu parti importanti kemm bl-inkoraġġament kif ukoll finanzjarjament iżda rringrazzja wkoll lill-Iskola Nazzjonali tal-Isport li fi kliem il-President hemm sinerġija tajba u li din il-kollaborazzjoni qed tkompli tgħin biex jikber il-livell f’dan l-isport.