Il-kumpannija taż-żejt tal-Istat, Petrobras, irrappurtat telf rekord – ekwivalenti għal $9.6 biljuni – għas-sena li għaddiet. Ir-riżultat, bla dubju, hu l-agħar irreġistrat mindu twaqqfet il-Petrobras, fl-1953; biċ-ċirkostanzi jenfasizzaw il-kriżi politika profonda fil-Brażil li qed timplika fuq kollox lil din il-kumpanija statali.
Il-Petrobras, fil-fatt, tinsab fl-eqqel tal-iskandlu storiku li heżżeż il-politika fil-Brażil u fejn qed jidher involut sew il-Partit tal-Ħaddiema fil-Gvern. Dan meta politiċi ewlenin assoċjati mal-partit, fosthom l-eks-President tal-Brażil, Luiz Inacio Lula da Silva, qed jissemmew b’konnessjoni ma’ tixħim u korruzzjoni.
L-iskandlu, kulma jmur, aktar qed ‘javviċina’ lill-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, ukoll membru tal-Partit tal-Ħaddiema, u li qed tirreżisti sejħiet ta’ impeachment.
Il-protesti dwar l-iskandlu tal-Petrobras ma naqsux u meta kumitat tal-Kungress Brażiljan, li qed jikkunsidra rikors ta’ impeachment fil-konfront ta’ Rousseff, iddiskuta jekk għandux ‘ikabbar il-każ kontra tagħha’ biex jinkludi akkużi ċari dwar korruzzjoni.
Il-pulizija, xi sigħat ilu, wettqet rejd fuq il-lukanda lussuża, fi Brasilia, fejn hu residenti l-eks-President Lula da Silva. L-azzjoni kienet konnessa mal-iskandlu u kkonċentrat fuq il-kumpanija tal-bini Odebrecht, li l-ekskap eżekuttiv tagħha spiċċa kkundannat il-ħabs għal sehem fil-korruzzjoni. Ma saritx referenza partikolari għal Lula, li ġimagħtejn ilu, kien arrestat għal żmien temporanju.
//= $special ?>