Internazzjonali

It-tellieqa għall-White House: Jivvutaw f’Idaho, Utah u Arizona

Il-proċess tal-votazzjoni li, ’il quddiem, jiddetermina l-kandidati tal-Partit Demokratiku u l-Partit Repubblikan li jikkonfrontaw lil xulxin għall-Presidenza tal-pajjiż din id-darba kkonċentra fuq l-Istati tal-Punent, fost proċessi ta’ caucus rispettivi waqt l-hekk imsejjaħ Western Tuesday.

Id-Demokratiċi u r-Repubblikani huma impenjati fil-primarji u votazzjonijiet oħrajn (rispettivi) f’Utah u Arizona waqt li kien għaddej caucus (vot) għad-Demokratiċi f’Idaho.

Eluf kbar ta’ nies qed isegwu b’interess dawn il-voti, bl-aktar mistoqsija sinifikanti tkun jekk is-Senatur Repubblikan minn Texas, Ted Cruz, jirnexxilux jaqbeż il-50 fil-mija tal-vot f’Utah. F’każ li jirnexxilu jagħmel dan, Cruz għandu jirbaħ l-40 delegati (kollha) tal-Istat fejn ‘jibbilanċja’ r-riżultat tar-rivali Repubblikan, Donald Trump, li mistenni jirbaħ f’Arizona.

Il-kandidat li jikseb l-akbar voti f’Arizona jirbaħ ukoll it-58 delegat (kollha) mill-Istat.

Minbarra dan, ir-Repubblikani għandhom konvenzjoni għan-nomina fit-territorju ta’ American Samoa, li jinsab fin-Nofsinhar tal-Paċifiku.

Min-naħa tad-Demokratiċi qed jidher li s-Senatur Bernie Sanders jista’ jpatti ftit għall-aħħar diżappunti kontra r-rivali Hillary Clinton, fejn mistenni jmur tajjeb f’numru ta’ sfidi fi Stati ‘favorevoli’. Fil-fatt, Sanders, is-Senatur minn Vermont, hu favorit kbir li jirbaħ f’Utah u Idaho waqt li jista’ jmur tajjeb ukoll fl-eżami ta’Arizona.

Wara din il-votazzjoni, Sanders jista’ jikkonsolida postu bħala sfidant għan-nomina Demokratika waqt il-votazzjonijiet ta’ Hawaii, Washington, Alaska u Wisconsin li jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.