F’wieħed mill-ġurnali ewlenin tal-Ħadd li għadda nzertajt karikatura li tiddefenixxi l-każ interessanti – biex ma nirreferix għalih bħala ‘umiljanti’ – tan-nomina ta’ Toni Abela għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li fih tinkwadra lil Abela fl-arena tal-iljuni b’Joseph Muscat u Konrad Mizzi jsegwu l-battalja u jiddubitaw jekk hux se jirnexxielu joħroġ minnha!
Din in-nomina kienet biss nomina li titlob għal riżenja ta’ konvenjenza sabiex Joseph Muscat ikompli jieħu taħt idejh il-kontroll tal-Partit Laburista billi jaħtar kontra l-konvenzjoni tal-istatut li jirregola l-Partit innifsu lil Konrad Mizzi bħala Deputat Mexxej minkejja li kien ikun għaqli u xieraq li l-istess Ministru jirreżenja kemm mill-kariga fil-kabinett u kemm mill-Partit Laburista fiċ-ċirkostanzi attwali.
Mhux l-għan tiegħi li f’din l-opinjoni nidħol aktar fil-każ allegat korrott tal-kontijiet sigriet fil-Panama għaliex dan għamiltu f’opinjonijiet oħrajn, imma rrid nirrimarka kif l-eks Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-partit huwa l-aħħar wieħed minn sensiela ta’ politiċi li ssagrifikaw il-karriera tagħhom minħabba l-arroganza tal-Prim Ministru.
Anġlu Farrugia, għall-konvenjenza ta’ Joseph Muscat, twarrab mill-kariga tiegħu fuq rimarki mhux xierqa dwar il-ġudikatura sabiex jagħżel minfloku Deputat Mexxej li wkoll ġej mill-Parlament Ewropew (dan wara li l-Partit Nazzjonalista kien approva lil Simon Busuttil f’kariga simili).
Manwel Mallia tneħħa minn Ministru wara l-każ tal-isparatura meta miegħu missu niżel ukoll il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern li ta verżjoni ta’ kif jidhirlu fl-istqarrija li ħarġet sigħat wara l-inċident perikoluż.
Michael Falzon ġie mġiegħel jirreżenja fuq il-każ ta’ Gaffarena li fih kellu involviment dirett il-Prim Ministru nnifsu, skandlu ieħor minn sensiela li fihom hemm inkluż ukoll dak tal-Cafe Premier u li għalihom kellha tintrefa’ r-responsabbiltà kollha u mhux parti.
Esponenti qrib il-Partit Laburista jaffermaw li Toni Abela ma seta’ qatt ikollu ċans jieħu vot favurih quddiem il-Kumitat dwar il-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew minħabba żewġ raġunijiet primarji: il-każ tal-kokaina u x-xibka ta’ korruzzjoni.
1. L-ewwel każ huma minnu nnifsu suġġettibbli dwar il-pożizzjoni ta’ Abela li wara l-allegat ‘cover-up’ ta’ traffikar ta’ droga, żamm postu kemm fil-Partit Laburista u ngħata oħrajn pubbliċi hekk kif Joseph Muscat rebaħ il-Gvern. Għaldaqstant, kien każ li minnu jimmerita riżenja. Dan huwa każ li għalih ma ttieħdu l-ebda passi.
2. It-tieni każ għadu qiegħed jiżviluppa minn jum għal jum, u dan ukoll jiġġustifika kemm il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni għandu raġun ikompli jissielet sabiex toħroġ il-verità minn kull każ li fih hemm allegat ta’ korruzzjoni.
Kien evidenti li Toni Abela, għalhekk, quddiem il-Membri Parlamentari Ewropej ma kienx se jkollu tweġiba, għax fis-sewwa ma hemmx tweġibiet. Ir-responsabbiltà taqa’ fuq spallet il-Prim Ministru li quddiem dan kollu ma ħa l-ebda azzjoni, għalhekk Toni Abela nnifsu ma seta’ qatt jissodisfa lill-Parlament Ewropew għax in-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Gvern, jekk hi aċċettabbli taħt dal-Gvern f’Malta, ma hix aċċettata bl-ebda mod fl-Ewropa.
Din hija mingħajr dubju l-problema tal-Gvern ta’ Joseph Muscat; li ma għandux l-istandards etiċi u responsabbli li jieħu azzjoni meta jkun jimmeritaha. Hija kundanabbli li l-Gvern, li fit-tmexxija tiegħu hemm dawk involuti f’każijiet bħal dawn, jibqa’ jevita li tal-anqas iwieġeb il-mistoqsijiet.
Huwa minnu li Konrad Mizzi qiegħed jirrifjuta jidher fuq it-televiżjoni u li jwieġeb għall-mistoqsijiet li qed isirulu minn diversi gazzetti. Ir-risposta hija waħda: Ma hemmx tweġiba!
Kif qatt Toni Abela seta’ jidher quddiem il-Parlament Ewropew u jwieġeb għall-korruzzjoni f’pajjiżna – ta’ każijiet li anke daru l-midja dinjija – meta hu Deputat Mexxej tal-Partit li jiggverna huwa inkoċepibbli.
Huwa għalhekk evidenti li l-Prim Ministru ried postu fil-Partit biex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fil-Partit li minnu stess qed jitkellmu diversi kontra l-konfoffa ġewwieni ta’ Joseph Muscat li ħataf taħt idejh il-Partit.
Il-Prim Ministru kien jaf sewwa li Toni Abela se jġarrab vot umiljanti, fil-fatt kien l-aktar wieħed umiljanti minn 3 (ġew irrifjutati wkoll in-nomini tal-Polonja u l-Islovakkja) b’vot qawwi ta’ 19 kontra 7, imma aktarx ma kienx qed jintebaħ li dan il-vot mhuwiex biss fil-konfront ta’ Toni Abela, imma wkoll risposta għat-tmexxija tal-Gvern tiegħu u ta’ Malta.
Quddiemu issa Joseph Muscat għandu għażla iebsa: lil min se jinnomina? Mingħajr dubju, in-nomina tiegħu trid tkun kapaċi tegħleb l-isfida tal-korruzzjoni, imma qabel xejn xi ħadd, xi mkien, irid jerfa’ responsabbiltà.
Il-Prim Ministru daħak bil-poplu Malti li tah mandat b’saħħtu, daħak b’kull politiku li ssagrifika l-karriera għalih imma mhux se jidħak la bl-Unjoni Ewropea u wisq anqas b’dawk il-Maltin li jafu jiżnu, u fosthom inzerta kien hemm l-eks Mexxej Alfred Sant li xejjen gidba ffabbrikata – oħra – minn Kastilja biex iħammġu l-kredibbiltà tal-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista.
Il-kriżi tal-Gvern ma baqgħetx aktar esposta f’din il-gżira imma saret magħrufa madwar l-Ewropa bil-Prim Ministru ma jagħrafx l-importanza tal-integrità li ġġorr magħha nomina bħal din.
Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-8 Distrett.
Verżjoni ta’ din l-opinjoni dehret fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon tal-Erbgħa, 23 ta’ April 2016.