Lokali

F’Dissett tal-lejla: L-Awtorita’ tax-Xandir tiddeċiedi li ma xxandarx id-dritt tar-risposta li rebaħ il-PN

L-Awtorita’ tax-Xandir żammet milli tinqara d-dritt ta’ risposta li rebaħ il-Partit Nazzjonalista, li kellha tinqara’ fil-programm Dissett tal-lejla ippreżentat mill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja.

Dan minkejja li f’deċiżjoni li tat nhar it-Tnejn li għadda, l-Awtorita’ tax-Xandir qalet li l-Partit Nazzjonalista kellu d-dritt li jsemma’ l-veduti tiegħu. Dan wara li fit-2 ta’ Marzu li għadda, l-programm Dissett immexxi minn Reno Bugeja, kien jikkonsisti biss f’intervista mal-Ministru u Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi, mingħajr ebda kummenti jew intervisti ma’ esponenti tal-Partit Nazzjonalista.

Madanakollu, minkejja li ntbagħtet ir-risposta tal-Partit Nazzjonalista, l-Awtorita’ tax-Xandir żammet milli tixxandar din ir-risposta, għaliex skont hi, kienet libelluża. Minkejja xi bidliet li saru minn naħa tal-Partit Nazzjonalista, l-Awtorita’ tax-Xandir xorta baqgħet tinsisti li r-risposta ma tixxandarx illejla, sakemm tieħu parir legali ieħor.

Id-dritt ta’ risposta kien jikkonsisti f’fatti dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.