Nhar is-Sibt 2 ta’ April 2016, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza Konferenza Nazzjonali bit-tema ‘Il-Familja – Dritt ta’ Kull Tifel u Tifla’. Il-ħarsien tat-tfal se jkun fiċ-ċentru tad-diskussjoni ta’ din il-Konferenza Nazzjonalista, bl-oqsma tal-addozzjonijiet u l-fostering jispikkaw b’kelliema esperti fuq dawn l-istess oqsma.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-iskop ta’ din il-Konferenza Nazzjonali hu li jinbeda proċess ta’ konsultazzjoni dwar din it-tema, liema proċess jinkludi diskussjonijiet mal-entitajiet rispettivi, mhux biss bħala Oppożizzjoni b’saħħitha u effettiva, iżda anke bħala Gvern alternattiv. Il-Partit Nazzjonalista stieden ukoll is-social workers li jqishom bħala stakeholders importanti f’dawn l-oqsma.
Il-Partit Nazzjonalista qal li jħoss li fid-dawl tad-diffikultajiet li qed jesperjenza l-qasam tal-fostering u l-addozzjonijiet, għandu l-obbligu li ma jibqax passiv, iżda jkun proattiv. Fl-aħħar xhur, il-Partit Nazzjonalista kellu numru ta’ laqgħat ma’ bosta entitajiet u individwi f’dan is-settur.
Il-Konferenza Nazzjonali, li qed tiġi kkordinata mill-Kelliem tal-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilità Robert Cutajar, se ssir fil-lukanda Radisson Golden Sands bejn it-8.30am u in-12:30pm. Il-parteċipazzjoni għal din il-Konferenza Nazzjonali huwa b’xejn, iżda għandha ssir reġistrazzjoni permezz ta’ email fuq fosteringadoptions2016@gmail.com.
//= $special ?>

