Disa’ ħaddiema tal-kumpanija ‘Stainless Steel Products’ tkeċċew kiesaħ u biered peress li l-kumpanija mhux sejra tajjeb u rreġistrat tnaqqis fil-profitti. Sitt ħaddiema ngħataw l-aħbar illum filwaqt li tlieta oħra tkeċċew fil-ġimgħat li għaddew.
Ħaddiem li ngħata l-aħbar kerha spjega lil NETnews.com.mt li lbieraħ saret laqgħa bejn it-tmexxija tal-kumpanija u l-GWU. Wara l-laqgħa, il-ħaddiema kollha ssejjħu fejn ingħataw l-aħbar li l-kumpanija kienet se tkeċċi sitt ħaddiema. Aktar tard it-tmexxija tal-kumpanija sejħet lis-sitt impjegati wieħed wieħed fejn tathom l-aħbar li qed jitkeċċew “b’effett immedjat”.
‘Stainless Steel’ hija l-istess kumpanija li ffaċċjat diffikultajiet fi żmien ir-riċessjoni tal-2009. Dakinhar, il-Gvern Nazzjonalista kien ta għajnuna finanzjarja lill-kumpanija biex ma tkeċċix il-ħaddiema.
Il-kumpanija ‘Stainless Steel’ hi bbażata l-Marsa u timpjega aktar minn 70 persuna. Sitt ħaddiema ingħataw l-aħbar li se jitkeċċew illum filwaqt li tlett ħaddiema oħra tkeċċew fl-aħħar ġimgħat. It-total ta’ disa’ ħaddiema mkeċċija ma jinkludix tlett ħaddiema oħra li twaqqfu mill-impjieg tagħhom waqt il-‘probation period’. Dan ifisser li b’kollox twaqqfu 15-il ħaddiem.
Kien madwar xahrejn u nofs ilu li t-tmexxija tal-kumpanija infurmat lill-ħaddiema li riedet tnaqqas 15-il ħaddiem. It-tnaqqis seħħ gradwalment, bl-aħħar sitt ħaddiema jingħataw l-aħbar illum.
Skont il-ftehim kollettiv, il-ħaddiema kollha li jitkeċċew għandhom jingħataw b’ġimgħa paga għal kull sena li jkunu ilhom jaħdmu mal-kumpanija. Għal min ilu snin twal jaħdem ma’ ‘Stainless Steel’, dan jista’ jfisser sa’ ftit xhur paga. Iżda dan ma jfissirx li l-ħaddiema m’humiex urtati.
“Jien se mmur infittex xogħol ieħor ta’ din l-età?” qalilna ħaddiem ieħor li għandu ‘l fuq minn 50 sena u li ngħata l-aħbar li se jitkeċċa, “il-ħajja trid tkompli, imma kont qed nistenna li dan se jkun l-aħħar xogħol tiegħi qabel nirtira” kompla jgħidilna dan il-ħaddiem.
Intant, skont informazzjoni li għandu NETnews.com.mt, ma sar l-ebda kuntatt mill-Gvern mal-ħaddiema milquta. Dan jikkuntrasta ma’ dak li seħħ fl-2009, meta intervent tal-Gvern Nazzjonalista wassal biex kienu salvati l-postijiet tax-xogħol fl-istess kumpanija.
//= $special ?>

