Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel qabża’ ta’ kwalita’ fil-mod ta’ kif jiġu ffinanzjati l-partiti politiċi f’Malta. Permezz tal-iskema l-ġdida li qiegħed iniedi, Skema Ċedoli 2016, il-Partit Nazzjonalista qed jilqa’ l-istedina li qed jagħmlulu ħafna nies li jixtiequ jgħinu lill-Partit Nazzjonalista permezz ta’ loans.
Bl-iskema Ċedoli 2016 wieħed jidħol volontarjament f’kuntratt mal-Partit Nazzjonalista li permezz tiegħu, tingħata loan volontarja lill-Partit Nazzjonalista ta’ għaxart elef ewro b’rata ta’ imgħax ta’ 4%. Il-loan titħallas lura wara għaxar snin.
L-iskema Ċedoli ġiet imnedija waqt laqgħa ghall-membri tal-Fergħat tal-Partit Nazzjonalista li kienet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, mis-Segretarju Ġenerali Rosette Thake u mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv Ann Fenech.
Is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake spjegat kif il-Partit Nazzjonalista ħadem sabiex l-infiq tal-partit jiġi kkontrollat, sabiex ikun hemm ristrutturar sħiħ fir-rigward tar-revenue streams tal-Partit u l-kumpaniji kummerċjali u kif permezz ta’ din l-iskema Ċedoli 2016, il-Partit ikun jista’ jilħaq l-ogħla livell ta’ serjetà u trasparenza fil-finanzjament tal-ħidma tiegħu.
Ann Fenech qalet li mill-ewwel sena tat-tmexxija ta’ Simon Busuttil bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien hemm attenzjoni partikolari biex jitwaqqaf it-telf finanzjarju u biex ikun hemm pjanar aħjar tal-infieq tal-Partit u l-kumpaniji tiegħu.
Dan biex il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista jkunu jistgħu jerġgħu jiġu fuq saqajhom. Parti minn dan il-pjan kien ristrutturar finanzjarju professjonali u organizzat fuq medda ta’ snin, b’diversi partijiet ta’ dan ir-ristrutturar finanzjarju jkunu mnehdija f’inizjattivi waħda wara l-oħra.
Simon Busuttil qal li wara sentejn ta’ tiġdid u tisħiħ tal-istrutturi tal-Partit, issa jmiss il-mument li l-Partit Nazzjonalista jkun lest biex ikun Gvern alternattiv. Il-Partit Nazzjonalista jrid joffri għażla differenti u jibni fiduċja ġdida fil-politika, qal Simon Busuttil.
Għalhekk qed jipreżenta sensiela ta’ proposti ġodda f’kull qasam biex juri li kapaċi jagħmel differenza għan-nies fil-kwalità tal-ħajja tagħhom, fl-oqsma tal-ekonomija, x-xogħol, il-good governance, l-ambjent, it-trasport u oħrajn.
Dan il-pass ittieħed wara li twaqqaf il-Bord ta’ Reviżuri magħmul minn professjonisti minn barra l-Partit sabiex jagħmluha ta’ awdituri fuq il-ħidma ġenerali tal-Partit, imma partikolarment fuq il-ħidma finanzjarja tiegħu – settur li fih sar progress sostanzjali.
L-iskema qed tiġi amministrata mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv Ann Fenech u mit-Teżorier Alex Perici Calascione.
//= $special ?>

