Il-Qorti tal-Maġistrati f’Għawdex, ippreseduta mill-Maġistrat Paul Coppini, iddeċidiet li għandhom jitwaqqfu xogħolijiet ta’ kostruzzjoni ta’ bini ta’ ħajt li kien se jgħatti belveder ewlieni fin-Nadur.
Dan il-ħajt kien ir-raġuni ta’ kontroverja bejn il-Kunsill Lokali tan-Nadur u Andrew Vella, li għandu għalqa taħt il-belveder u li kien beda proċeduri biex jibni dan il-ħajt li kien se jgħatti l-veduta mill-belveder tan-Nadur, li kien sar mill-Kunsill Lokali tan-Nadur.
Jirriżulta li l-Kunsill Lokali tan-Nadur kellu jitlob li jinħareġ Mandat ta’ Inibizzjoni peress li, wara li l-MEPA rrifjutat il-permess biex jitla’ l-ħajt, xorta bdew ix-xogħolijiet. Dan wara deċiżjoni tal-Qorti fl-2004 minn Andrew Vella kontra l-Kummissarju tal-Artijiet.
Il-Kunsill Lokali sostna li ma kienx hemm permessi meħtieġa biex jinbena l-ħajt u li jekk dan jinbena, kien se jinbena fuq art amministrata mill-istess Kunsill.
Ftit tal-jiem ilu, persuni marru fil-post u qatgħu id-dawl tal-fanali li hemm fil-belveder, filwaqt li neħħew ukoll il-wires kollha biex ikun jista’ jingħata bidu għax-xogħol ħalli jitla’ l-ħajt u jagħlaq il-belveder.
Il-Kunsill Lokali tan-Nadur għamel rapport lill-Pulizija dwar din il-ħsara fi propjetà tal-Kunsill, qabbad il-kuntrattur tiegħu biex jirranġa l-ħsara u jerġa’ jixgħel id-dawl tal-belveder, filwaqt li ppreżenta Mandat ta’ Inibizzjoni fil-Qorti ta’ Għawdex.
Wara li kkunsidrat il-każ, il-Qorti ddeċidiet li l-familja Vella għandha tinżamm milli tibni l-ħajt li kien se jgħatti l-belveder tan-Nadur.
//= $special ?>