Lokali

“Kont 10 metri bogħod mill-isplużjoni” – il-Malti jirrakkonta dak li ra u d-daqqa ta’ ħadida li qala’

Lorenzo Vella, il-Malti li kien fost il-midruba fl-attakki ta’ Brussell, qal li kien madwar 10 metri biss bogħod minn fejn seħħet l-ewwel splużjoni fl-ajruport ta’ Zaventem fi Brussell.

F’kollegament bit-telefon waqt il-programm TVAM, Lorenzo Vella rrakkonta dak li ra lbieraħ, meta żewġ splużjonijiet ħasdu l-ajruport ta’ Brussell. Vella ntlaqat ħadida li taret b’konsegwenza tal-isplużjoni u kellu jittieħed ġo sptar fi Brussell fejn għadu qed jiġi rikoverat.

Il-Malti kien akkumpanjat mill-mara tiegħu u kien biss meta ħarġu mill-ajruport ta’ Zaventem li rrealizzaw li kien seħħ attakk terroristiku. Hu spjega x-xena ta’ kaos, b’Pulizija, ambulanzi u vetturi militari ġejjin minn kullimkien.

Iżda sakemm ħareġ minn ġol-ajruport, irrakkonta Lorenzo Vella, kellu uġiegħ kbir minħabba d-daqqa ta’ ħadida li qala’ tant li f’xi mumenti kellu jintelaq mal-art. Aktar tard, mal-ħoss ta’ xi sparaturi, reġa’ qam paniku fost dawk li kienu barra l-ajruport, tant li kellhom imorru jistaħbew wara xi karozzi. Aktar tard, il-Malti ngħata l-għajnuna u ttieħed ġo sptar għall-attenzjoni medika.

Apparti żewġ splużjonijiet fl-ajruport ta’ Brussell, seħħet splużjoni oħra f’wieħed mill-istazzjonijiet tal-Metro fi Brussell, bit-total tal-vittmi jaqbeż it-tletin.