Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Kunsillieri tal-PN fil-Ħamrun joġġezzjonaw mal-MEPA biex ma tiċkienx Pjazza San Pawl

Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Ħamrun bagħtu ittra lill-MEPA li fiha oġġezzjonaw għall-proġett kif propost għal Pjazza San Pawl (Pjazza Fra Diegu) fil-Ħamrun.

Dan fid-dawl ta’ applikazzjoni li saret minn individwu biex isir proġett ta’ tisbieħ tal-kjosk fi Pjazza San Pawl. Parti mill-proġett jinkludi wkoll numru ta’ parkeġġi ġodda.

Iżda fl-ittra tagħhom lill-MEPA, il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista qalu li filwaqt li jaqblu mat-tisbiħ tal-kjosk, huma kontra l-proposta li jsir spazju għall-parkeġġ ta’ mill-inqas erba’ karozzi, liema spazju se jittieħed minn post li llum qed jitgawda mill-Ħamruniżi, u dan meta Pjazza San Pawl hija waħda mill-ftit pjazzez li hemm fil-Ħamrun.

Il-Kunsillieri qalu li qed joġġezzjonaw għall-proġett peress li l-ebda individwu m’għandu jitħalla juża art li hija pubblika. “Mhux sew li waħda mill-ftit żoni ta’ rikreazzjoni li fadal fil-lokal tiċkien biex jiġi aġevolat individwu” sostnew il-Kunsillieri tal-PN fil-Ħamrun li appellaw lill-MEPA biex is-sens komun ikun fil-qofol tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni li saret.

Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fakkru wkoll li l-Kunsill Lokali qatt ma kkonsulta b’mod uffiċjali mar-residenti Ħamruniżi.

Fl-ittra, ffirmata mill-Minority Leader Antonello Cuschieri u l-Kunsillieri Efrem Buttigieg u Louise Portelli, intqal li l-MEPA u l-Kunsill Lokali għandhom jaraw li r-residenti jingħataw leħen u li ż-żoni pubbliċi u ta’ rikreazzjoni jiżdiedu u mhux jonqsu.

Dwar il-kwistjoni tal-parkeġġi, il-Kunsillieri tal-PN spjegaw li qed joġġezzjonaw għall-proġett kif propost peress li l-pożizzjoni ta’ dawn il-parkeġġi ġodda se toħloq konġestjoni kull meta jibdew jintużaw. “F’żona fejn diġa hemm problema ta’ traffiku, dawn il-parkeġġi se jżidu magħha,” spjegaw il-Kunsillieri tal-PN, li żiedu li “l-problema tat-traffiku tista’ tissolva b’aktar infurzar u mhux bl-introduzzjoni ta’ dawn il-parkeġġi kif proposti.”