“M’aħniex f’kundizzjoni li ngħixu” qalet omm li ma’ NETnews.com.mt spjegat li t-triq li tgħix fiha ilha tlett ijiem mingħajr ilma.
It-triq affettwata hi Triq it-Torri f’Birkirkara, qrib l-Oratorju ta’ San Ġwann u djar f’din iż-żona issa daħlu fit-tielet jum mingħajr provvista ta’ ilma. Aktarx li l-qtugħ fl-ilma seħħ minħabba xi xogħlijiet li kienu għaddejin fl-inħawi.
“It-tank spiċċalna u issa l-anqas biex insajjar m’għandi” fissret din l-omm li spjegat li ilha 3 ijiem tilmenta mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. L-omm qaltilna li qed ikollha tieħu lit-tfal biex jinħaslu u jieklu għand il-qraba tagħha.
Dwar dan il-każ, NETnews.com.mt bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Korporazzjoni, biex nistaqsu, fost oħrajn, għaliex seħħ il-qtugħ fil-provvista tal-ilma, għaliex qed ikun hemm dewmien biex il-provvista tkun rritornata u meta hu stmat li r-residenti se jerġa’ jkollhom il-provvista tal-ilma.
Ritratt: Mill-arkivji – bawser jissupplixxi residenza li spiċċat mingħajr ilma
//= $special ?>

