Saħħa

Miżuri ġodda li għandhom jittieħdu għall-prevenzjoni tal-virus taz-Zika

Avviż mid-Direttorat għall-promozzjoni tas-saħħa u prevenzjoni tal-mard

Hekk kif it-temperaturi jibdew jogħlew, hemm aktar bżonn nippreparaw ruħna biex inżommu l-virus taz-Zika ’l bogħod minn xtutna, billi nipproteġu lilna nfusna min-nemusa aedes aldopictus, li f’numru ta’ pajjizi (imma sa issa mhux f’Malta) qed iġġorr dan il-virus.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, fl-aħħar jiem nediet ukoll app dwar iz-Zika, bl-aħħar aħbarijiet fuq l-epidemija u kif wieħed jista’ jipprevjeni milli jintlaqat mill-virus. L-app tista’ tkun aċċessata fuq: https://play.google.com/store/apps/details?id=com.universaldoctor.Zika

Waħda mill-miżuri ewlenin għall-kontroll huwa li jkunu kkontrollati siti tat-tgħammir tan-nemus. Għaldaqstant, il-pubbliku ġenerali, huwa mill-ġdid imħeġġeġ biex jieħu miżuri fid-djar tagħhom sabiex jipprevjenu l-proliferazzjoni tan-nemus.

In-nemus għandu bżonn l-ilma biex ikun jista’ jbid il-bajd. Kull nemusa mara tista’ tbid sa 200 bajda li jistgħu jfaqqsu f’larvae, imbagħad isiru nemus f’temp ta’ bejn 10-12-il jum. Għalhekk, il-kontroll ta’ din in-nemusa jibda bill jitnaqqsu l-postijiet fejn dawn ibidu l-bajd, li ħafna drabi jkunu qrib fejn ikunu ngidmu n-nies.

Ir-rakkomandazzjonijiet huma:

· Neħħi kontenituri li fihom l-ilma bħal platti tal-qsari, bramel, kontenituri tal-ikel u tires qodma;

· Fejn issib għadajjar li ilhom hemm aktar minn tlitt ijiem u bokok tad-drenaġġ li jkun fihom ilma qiegħed ikun ideali li tneħħilhom l-ilma, jew jiġu trattati bil-chlorine;

· Il-gandotti għandhom jitnaddfu mill-weraq u minn ħmieġ ieħor sabiex ma jinġabarx ilma fihom;

· Vaski tal-ħut jistgħu jkollhom il-ħut jew ġurat fihom peress li dawn jieklu ż-żgħar tan-nemus;

· Ilma qiegħed li jkun f’xi pixxina, ġibjuni, eċċ, li ma jistax ikun imbattal jew mormi jista’ jkun ittrattat kull tant żmien b’insettiċidi apposta għal hekk;

· Swimming pools: Għandhom jinżammu vojta jekk mhux qed jintużaw jew l-ilma jkun trattat bil-chlorine;

· Huwa importanti li kull tank tal-ilma, bir u ġibjun jinżamm mgħotti.

F’każijiet ta’ persuni li jkunu se jżur f’pajjiż fejn feġġ il-virus taz-Zika huwa importanti li wieħed jevita li jingidem billi jieħu dawn il-miżuri:

· Kun żgur/a li l-iscreens tal-bibien u t-twieqi jingħalqu sew u huma fi stat tajjeb;

· Ilbes kalzetti, żraben, qliezet twal u qmis/flokk bil-kmiem twal meta tkun fuq barra għal tul ta’ żmien, u meta n-nemus l-aktar li jkun attiv. Il-ħwejjeġ għandhom ikunu magħmula minn materjali li huma minsuġa b’mod issikkat biex in-nemus ma jilħaqx il-ġilda;

· Uża xibka tan-nemus meta torqod fuq barra jew jekk torqod f’post li m’għandux screens u biex tipproteġi lit-trabi meta jkunu fuq barra;

· Meta tkun barra, għamel l-insect repellent regolarment, skont kif għandek miktub fuq it-tabella tal-prodott. Huwa rakomandat l-użu ta’ insect repellent li fiha d-‘Deet’, għall-adulti u tfal ta’ aktar minn tlett xhur;

· Uża l-fannijiet – dawn in-nemus mhumiex b’saħħithom ħafna biex itiru. Għalhekk ir-riħ qawwi li jagħmel fann mhux biss iwaqqafhom milli jtiru iżda wkoll iferrex il-kimiċi li huma jużaw biex isibu d-demm biex jieklu minnu.

Nies li jivvjaġġaw għal żoni milquta huma mfakkra biex jieħdu prewkazzjonijiet meħtieġa sabiex jipprevjenu li jingidmu min-nemus.

Għal aktar informazzjoni ċempel il-helpline fuq 21324086.

Id-Diretorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Promozzjoni tal-Mard, ifakkar li dawk kollha li siefru f’xi żona milquta u għandhom dubju li jista’ jkun li ġew infettati mill-virus taz-Zika, għandhom ukoll iċemplu l-istess helpline biex jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa, fosthom biex isirilhom it-test li jiddetermina jekk humiex infetati jew le.