Il-kumpanija ‘Nexia International’ iddisassoċjat ruħha mill-iżviluppi f’Malta b’rabta mal-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Dan kien rappurtat mill-ġurnal Times of Malta dalgħodu.
Ma’ The Times, il-kumpanija Nexia International qalet li għalkemm ‘Nexia BT’ f’Malta tuża l-istess isem tal-kumpanija internazzjonali, hi ma terfax responsabiltà għal dak li jagħmlu kumpaniji madwar id-dinja li jużaw l-istess isem.
Nexia BT hi l-kumpanija f’Malta li għenet lill-Ministru Konrad Mizzi jiftaħ il-kumpanija sigrieta fil-Panama; pajjiż magħruf għall-ħabi u l-ħasil tal-flus. Wara li Konrad Mizzi nqabad, ħareġ ukoll li anke ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għandu kumpanija sigrieta fil-Panama u fil-British Virgin Islands.
Ma’ The Times, Nexia International qalet li Nexia BT f’Malta għandha twieġeb hi għall-azzjonijiet tagħha, iżda sa’ issa spikka s-silenzju minn din il-kumpanija lokali nvoluta fl-iskandlu tal-Panama. B’konsegwenza ta’ dan l-iskandlu, l-Ekonomista Gordon Cordina rriżenja minn Nexia BT.
Nexia BT bħalissa tinsab fiċ-ċentru tal-Iskandlu Panamagate, filwaqt li ngħatat anke ammont konsiderevoli ta’ kuntratti kemm ilu l-Labour fit-tmexxija tal-pajjiż. Minkejja dan, sal-lum il-ġurnata, il-Gvern għadu ma qalx kemm tħallset Nexia BT għall-kuntratti li ngħatat.
Nexia BT hi l-kumpanija tal-awditjar tal-kumpaniji li kellu Keith Schembri, il-Grupp Kasco, kif ukoll tieħu ħsieb l-awditjar ta’ wħud mill-kumpaniji lokali li huma parti mill-Electrogas Consortium, li qed jibni l-Power Station il-ġdida f’Delimara.
//= $special ?>

