Knisja Lokali

Ritratti: Ġużeppi Mercieca ħadem għal-libertà quddiem il-vjolenza u l-persekuzzjoni – Mons Charles Scicluna

L-Arċisqof Emeritus Mons Ġużeppi Mercieca ħadem għal-libertà quddiem il-vjolenza, it-tgħajjir u l-persekuzzjoni. Madankollu, hu aġixxa f’azzjonijiet ta’ paċi u djalogu. Hekk qal l-Arċisqof Mons Charles Scicluna biex jiddeskrivi l-ħidma ta’ Mons Mercieca fl-Omelija waqt il-Quddiesa tal-Funeral, li saret fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

L-Arċisqof Scicluna qal li bħalissa l-Knisja qed tfakkar il-Passjoni ta’ Ġesù, li se jwassal għall-ferħ tal-Għid il-Kbir. L-istess il-mewt tal-bniedem: siegħa ta’ tbatija, li minnha l-bniedem jgħaddi għall-Ħajja. Din hi s-siegħa li fiha r-Ragħaj jiltaqa’ mal-bniedem, jgħannqu u jdaħħlu fis-Saltna ta’ Alla.

Mons Scicluna kompla li Mons Ġużeppi Mercieca kien qaddej li kien lest jagħti kollox għal Alla, anke meta ffaċċjat minn theddid u persekuzzjonjiet. Mons Mercieca ħa l-fidi tiegħu f’Għawdex, fis-Seminarju u minn ħutu s-Saċerdoti. Hu qatt ma webbes rasu, għalkemm kien bniedem determinat u sod fil-kelma tiegħu.

L-Arċisqof Scicluna kompla li Mons Mercieca baqa’ raġel ta’ fidi u li dejjem wera kuraġġ. Għalih, l-aħħar kelma kienet dik tar-raġuni, tal-ftehim u tad-djalogu: kelma li ngħożżu biex nitgħallmu minnu. Sostna li Mons Mercieca ma ħebiex wiċċu fit-tgħajjir, anzi wera kuraġġ kbir quddiem il-vjolenza u l-persukuzzjoni.

Mons Scicluna fakkar f’meta, fl-1990, Mons Mercieca laqa’ għall-ewwel darba lill-Papa San Ġwanni Pawlu II f’rebbiegħa ħelwa li tat nifs lill-Knisja biex reġgħet sabet il-libertà li għandha bżonn. Mons Mercieca kien difensur tal-libertà mingħajr ma ċeda għat-tentazzjoni tal-vjolenza.

L-Arċisqof sejjaħ lil Mons Mercieca bħala missier għal kulħadd u mingħajr eċċezzjoni, b’devozzjoni speċjali lejn San Ġużepp. Kull kelma li nissel Mons Mercieca kenet ġejja mill-fidi fil-Mulej u għalkemm ma kienx Oratur straordinarju, il-kelma tiegħu kienet minbnija fuq l-imħabba, temm jgħid l-Arċisqof Scicluna.

Preżenti fost l-oħrajn, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. Fosthom il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u żewġha Edgar, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, flimkien ma’ Ministru u anke Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Fi tmiem il-Quddiesa, il-Korteo bit-tebut tal-Arċisqof Emeritus Mons Ġużeppi Mercieca ttieħed mill-Kon-Katidral għal Triq ir-Repubblika sad-Daħla tal-Belt, minfejn il-Funeral kompla b’mod privat bid-Difna fil-Katidral tal-Imdina.