BLOGS

Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti

Frażi li nisimgħu ħafna u nistgħu ngħidu li qed nesperjenzawaha dan l-aħħar ukoll. Mhux faċli li wieħed jasal biex jagħmel dak li jgħid għax faċli titkellem, id-diffikultajiet jiġu meta tiġi biex tattwa dak li tgħid.

Dan il-Gvern hu xempju ta’ din il-frażi għax meta ġie biex jgħaddi mill-wegħdiet li għamel bil-kliem qabel l-elezzjoni ġenerali għall-fatti konkreti, qed isibha diffiċli. Qed isibha diffiċli mhux għax ċerti affarijiet ma jistgħux isiru, bħar-responsabbiltà politika u t-trasparenza, iżda għax biex iwettaqhom bilfors li se jirfes il-kallu, u allura qed joqgħod lura milli jattwa dak li kien wiegħed.

Il-każi ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri huma proprju xhieda ta’ dan kollu. Juru nuqqas ta’ responsabbiltà politika, nuqqas ta’ trasparenza, double standards u anke prijoritajiet ta’ taħt fuq.

Nuqqas ta’ responsabbiltà politika
Dan proprju għax kieku kienu responsabbli biżżejjed, Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu jwarrbu waħedhom – u fin-nuqqas ta’ dan kellu jkun il-Prim Ministru li jwarrabhom. Imma għaliex Joseph Muscat iddeċieda li ma jiħux azzjoni? Tgħid jekk jieħu azzjoni se jirfes il-kallu u joħorġu iktar dettalji li ma jridx li joħorġu?

Nuqqas ta’ trasparenza
Il-Panama hu l-pajjiż magħżul biex Mizzi u Schembri fetħu l-kumpaniji tagħhom. Għaliex il-Panama? Biex ikunu jistgħu jagħżlu li ma jsirx awditjar tal-kumpaniji tagħhom u biex ikunu jistgħu jagħżlu segretezza totali – bħalma għamlu fir-reġistrazzjoni tal-kumpaniji. Inħalli f’idejkom biex twieġbu għall-mistoqsija: għaliex wieħed jagħżel li ma jsirx awditjar u li jkollu segretezza totali fl-operat jew tranżazzjonijiet tal-kumpanija?

Double Standards
Anġlu Farrugia – jagħmel statement waqt attività politika dwar il-ġudikatura u Muscat iġiegħlu jirreżenja. Konrad Mizzi – jiftaħ kumpanija l-Panama b’segretezza totali, u kif iddikjarat – biex fost l-oħrajn tirċievi commissions, Joseph Muscat jara kif jagħmel biex jagħmlu Deputy Leader. Two weights and two measures. Imma għaliex? X’inhi r-raġuni li Muscat qed jittratta b’mod differenti lil Konrad Mizzi?

Mill-kliem għall-fatti … anke fil-Ħamrun
Ħafna Ħamruniżi llum qed jaraw li bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti għax anke t-tmexxija tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun qed turi din id-differenza. Fil-fatt, il-proġett tal-Pjazza tal-Ħamrun kien wieħed mill-punti ewlenin li kkaratterizzaw il-kampanja elettorali li wasslet għall-aħħar elezzjoni tal-Kunsill Lokali. Ħafna Ħamruniżi taw il-fiduċja tagħhom lis-Sindku preżenti għax dan kien iddikjara ruħu kontra l-proġett propost li jinkludi l-fatt li l-pjazza tiċkien biex jiġu akkomodati parkeġġi kif mitluba minn individwu u sid ta’ negozju f’din il-pjazza stess.

X’ġara llum? Wara li jien ressaqt proposta biex il-Kunsill isejjaħ laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika biex jisma’ lir-residenti u verament jirrappreżenta lir-residenti, is-Sindku għażel li ma jilqax din il-proposta u jħalli kollox għaddej, għażel li ma jismax lir-residenti u li ma jostakolax il-proċess ta’ applikazzjoni privata anke jekk dan ifisser li r-resident se titnaqqaslu z-zona ta’ rikreazzjoni tiegħu.

Intqal ħafna diskors fuq is-Sindku preċedenti li kien favur dan il-proġett u għalhekk favur it-tnaqqis fl-ispazju ta’ din il-pjazza, biss is-Sindku preżenti, wara li ġie fdat bit-tmexxija tal-Kunsill Lokali, minflok irranġa l-iżball tal-Kunsill preċedenti, għażel li jinjora l-għajta ta’ ħafna residenti, biddel l-opinjoni li kellu sena ilu u ħalla kollox għaddej – u r-resident jibqa’ bla leħen, l-aqwa li ma jsirux rifsiet.