Il-Partit Nazzjonalista rrefera għall-aħbar fil-media dwar bejgħ ta’ sitt itmiem ta’ art, li fost l-oħrajn tinkludi l-kosta u salt pans f’Marsaxlokk u qed jappella lill-Gvern biex din esproprijata biex tibqa’ titgawda mill-poplu.
Jason Azzopardi, ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin qal li b’konsistenza mal-abbozz ta’ liġi tal-Public Domain li l-Oppożizzjoni ppreżentat fil-Parlament is-sena li għaddiet, l-Oppożizzjoni qed tinsisti mal-Gvern biex jesproprja din l-art biex ikun assigurat li l-art tkun esklussivament għal skop pubbliku u li tibqa’ titgawda min-nies fl-istat naturali tagħha.
Kuntrarjament għal dak li ġara fl-iskandlu ta’ Gaffarena, dan huwa eżempju ċar ta’ meta Gvern għandu jintervjeni biex jesproprja art għal skop pubbliku. Mill-iskandlu ta’ Strada Żekka, mill-esproprjazzjoni tal-Gvern gawda biss Gaffarena. Minn din l-esproprjazzjoni tal-art f’Marsaxlokk, igawdi kulħadd.
Il-PN qal li l-aħbar tal-lum hi eżempju ċar ta’ kemm l-abbozz ta’ liġi mressaq mill-Oppożizzjoni hu urġenti u għandu jgħaddi mill-Parlament bla aktar dewmien. L-Oppożizzjoni tistenna li dan l-abbozz ta’ liġi jitressaq ‘il quddiem l-aġenda tal-Parlament biex jiġi assigurat li l-art tintuża għal skop pubbliku.
L-għan tal-abbozz ta’ liġi tal-Oppożizzjoni hu li jkun protett il-wirt naturali, kulturali u storiku tagħna għall-ġenerazzjonijiet tal-lum kif ukoll dawk futuri. Dak tal-lum huwa eżempju ċar ta’ kif il-Gvern għandu jipproteġi l-wirt naturali ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u dawk futuri.
//= $special ?>