Lokali

Illejla nerġgħu nimxu għal Puttinu Cares mill-Mellieħa sal-Isla

Għat-tlettax-il sena konsekuttiva, fil-lejl ta’ bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, se ssir l-attivita’ annwali tal-mixja mill-Mellieħa sal-Isla. Il-pubbliku huwa mistieden li jattendi għal din l-attivita’ li tibda mis-2.00am mill-Misraħ iż-Żjara tal-Papa, quddiem is-Santwarju tal-Madonna fil-Mellieħa.

Il-parteċipanti li se jagħmlu l-mixja huma mitluba li jħallsu donazzjoni minima ta’ €10. Il-mixja se ddum madwar 4 siegħat u tkopri mixja ta’ 30 kilometru. Hekk kif il-parteċipanti jaslu fid-destinazzjoni aħħarija, huma jingħataw ċeritifikat tal-parteċipazzjoni. Il-knisja tar-Redentur tal-Isla se tkun miftuħa wkoll sabiex il-pubbliku ikun jista’ jidħol jitlob.

L-organizzaturi ħabbru wkoll li matul il-mixja se jkun hemm l-ilma għall-parteċipanti. Se jkun provdut ukoll trasport b’xejn mill-Isla lura għall-post tat-tluq mill-Mellieħa.

Bħas-snin ta’ qabel ukoll, matul il-mixja se jkun hemm trasport provdut għal min jgħajja u ma jħossux tajjeb li jlesti l-mixja kollha.

Is-sena l-oħra aktar minn 8,000 ruħ ħadu sehem fil-mixja, u kienu nġabru mal-€100,000, kemm mill-parteċipanti tal-mixja, u kemm mill-isponsors ta’ din l-attivita’.

Ritratt meħud minn Iris