Knisja Lokali

Illum Ħamis ix-Xirka, imfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija fl-Aħħar Ċena

Illum, il-Knisja Kattolika qed tiċċelebra Ħamis ix-Xirka – meta Ġesù Kristu waqqaf l-Ewkaristija waqt l-Aħħar Ċena mal-Apppostli tiegħu. Fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann dalgħodu ssir iċ-Ċerimonja tat-Tberik taż-Żjut Imqaddsa, li hi Ċerimonja importanti għall-Knisja Kattolika.

Fil-Funzjoni, is-Saċerdoti jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal-Ordinazzjoni Saċerdotali tagħhom, biż-Żjut li jitbierku huma dawk li jintużaw fiċ-Ċelebrazzjonijiet tas-Sagrament tal-Griżma tal-Morda, iż-Żejt tal-Katekumeni li jintuża’ fil-Magħmudijiet u ż-Żejt tal-Konfermazzjoni u tal-Ordni Sagri.

Iċ-Ċerminonja tat-Tberik taż-Żjut f’Ħamis ix-Xirka issir f’kull Katidral tal-Knisja Kattolika madwar id-dinja. Fil-każ ta’ Malta, din tkun ikkonċelebrata mill-Arċisqof Mons Charles Scicluna.

Illejla mbagħad, fil-Kon-Katidral ukoll, issir it-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej. L-Arċisqof Scicluna jmexxi l-Funzjoni, li tinkludi l-Ħasil tar-Riġlejn. Fil-Knejjes kollha, issir Funzjoni bħal din u fi tmiemha, iċ-Ċelebrant jieħu s-Sagrament lejn l-Artal tar-Repożizzjoni, fejn is-Sagrament jinżamm għall-qima tal-Insara.

Fi tmiem din il-Funzjoni, jibdew il-Viżti tas-Seba’ Knejjes, fejn jingħata bidu għall-Adorazzjoni Ewkaristika ta’ Ħamis ix-Xirka. Hi tradizzjoni li n-nies iżuru l-Knejjes fejn ikun hemm l-Artal tar-Repożizzjoni u jimmeditaw fuq il-kobor tal-imħabba li Kristu wriena fl-Ewkaristija.