Futbol Internazzjonali Sport

Imut l-eks plejer tal-futbol Johan Cruyff

Tħabbret il-mewt tal-eks plejer tal-futbol Olandiż Johan Cruyff, li kien wieħed mill-akbar stilel tal-futbol internazzjonali matul is-snin sebgħin. Hu miet fl-età ta’ 68 sena wara li tilef il-ġlieda kontra l-marda tal-kanċer.

Fi stqarrija fuq il-website tiegħu ntqal li Cruyff miet id-dar tiegħu f’Barcelona imdawwar bil-familja wara ġlieda iebsa mal-kanċer. L-istqarrija kompliet tgħid biex tiġi rrispettata l-privatezza tal-familja f’dan il-mument diffiċli.

Cruyff hu kkunsidrat bħala l-aqwa plejer Olandiż u wieħed mill-aqwa plejers li qatt lagħbu l-futbol. Hu kien rebaħ il-Ballun tad-Deheb tliet darbiet fl-1971, l-1973 u l-1974. Cruyff kien wieħed mill-plejers li brilla fil-filosofija tal-kowċ Rinus Michels Total Football. Cruyff kien viċin iżda qatt ma rebaħ it-Tazza tad-Dinja meta wasal sal-finali fl-1974 kontra l-Ġermanja tal-Punent u għen lit-tim Olandiż jikkwalifika sal-finali meta rtira min-Nazzjonal fl-1977.

Fuq livell ta’ klabb l-aktar li jibqa’ mfakkar kien ma’ żewġ timijiet. Ma’ Ajax, Cruyff rebaħ tmien kampjonati u tliet darbiet dik li llum tissejjaħ iċ-Champions League. Fl-1973 Cruyff ingħaqad ma’ Barcelona għal somma rekord għal dak iż-żmien u rebaħ il-kampjonat fl-ewwel staġun tiegħu.

Wara li rtira, Cruyff mexxa saħansitra liż-żewġ klabbs bħala kowċ u kien ta’ ispirazzjoni għal kowċis bħal Frank Rijkaard, Pep Guardiola, Michael Laudrup u Arsene Wenger fosthom.

Iben Cruyff, Jordi, ukoll kellu karriera twila fil-futbol, fejn lagħab fost l-oħrajn mat-timijiet ta’ Barcelona u Manchester United. Hu anke magħruf mal-partitarji Maltin tal-futbol għaż-żmien li għamel fuq il-kotba ta’ Valletta FC.